01/24 - 4 ta' Jannar 2024




Ċirkulari 01/24

 

Lill-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni u lid-djar privati tal-produzzjoni tal-programmi  

 

OPPORTUNITÀ TA’ SUSSIDJU GĦAL KORS ONLINE FIL-KITBA TAL-MALTI
Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti (Livell 5 - MQF)
Certificate in Proofreading Maltese (MQF 5)

 

Għal sena oħra, l-Awtorità tax-Xandir qiegħda tissussidja tliet impjegati li jaħdmu għat-televiżjoni, ir-radju u s-siti elettroniċi tal-aħbarijiet (ġurnalisti, xandara, impjegati li jieħdu ħsieb il-grafika, u produtturi privati) biex jattendu l-kors universitarju li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti (MQF 5) u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti.

 

Dan il-kors part-time, li huwa twil sena ( żewġ semestri), se jibda fit-12 ta’ Frar 2024 u huwa organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Il-lezzjonijiet tiegħu jsiru online t-Tnejn u l-Ħamis mill-5:30pm sat-8:30pm.

 

Il-kors hu maħsub għal min juża l-Malti miktub fil-post tax-xogħol u jixtieq itejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. Numru ta’ xandara u ġurnalisti diġà temmewh b’suċċess fis-snin li għaddew. Dan huwa ta’ sodisfazzjon għall-Awtorità li tixtieq ittejjeb il-kwalità tal-ilsien Malti użat fix-xandir u li hi impenjata biex tkompli żżid in-numu ta’ impjegati li jkunu kkwalifikati fl-ortografija tal-Malti.

 

Dawk interessati li japplikaw għandhom jgħarrfu lill-Awtorità sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Jannar, 2024. Il-ħlas amministrattiv ta’ mal-applikazzjoni, li jsir lill-Università, jitħallas ukoll mill-Awtorità sakemm dan ma jsirx tard (late application). L-Awtorità twaqqaf is-sussidju jekk il-persuna magħżula ma tkomplix il-kors jew ma tgħaddix mill-eżamijiet tal-ewwel semestru. F’dak il-każ tkun marbuta li tgħarraf minnufih lill-Awtorità bil-ħsieb tagħha li tieqaf.

 

Kull min hu interessat japplika mistieden jikteb lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri (joanna.spiteri@ba.org.mt), biex juri l-interess tiegħu. L-għażla ta’ min jieħu s-sussidju ssir mill-Awtorità tax-Xandir u skont min jirreġistra l-interess tiegħu l-ewwel mal-Awtorità. Wara li jsiru magħrufa l-parteċipanti li se jiġu ssussidjati, l-Awtorità tiffirma ftehim magħhom dwar is-sussidju li jkun se jingħatalhom.

 

Importanti li min jintgħażel għas-sussidju japplika wkoll uffiċjalment għall-kors mis-sit tal-Università sal-31 ta’ Jannar 2024 fis-2pm:

 

https://esims.um.edu.mt/esims/sits.urd/run/siw_ipp_lgn.login?process=siw_ipp_app&code2=0016&code1=UCPRMPTE

 

Għal tagħrif ieħor fuq il-kors u għall-għajnuna fuq kif tapplika, idħol hawn: www.um.edu.mt/arts/malti/korsijiet/cqp

 

 Dr Joanna Spiteri 
Kap Eżekuttiv
4 ta’ Jannar 2024

Ref: 73/01