[04/20]-Xandir dwar il-COVID-19




Stqarrija għall-Istampa
13 ta’ Marzu 2020
PR 04/20


Xandir dwar il-COVID-19

F’sitwazzjonijiet bħal dawn l-Awtorità tax-Xandir qed titlob lill-ġurnalisti u lix-xandara biex ikunu kawti fil-mod kif jirrapurtaw żviluppi marbuta mal-pandemija kkawżata mill-COVID-19. Il-ħtieġa li l-ġurnalisti u x-xandara jimxu biss mal-fatti huwa importanti ħafna f’perjodu sensittiv bħal dan. Minbarra li l-etika tal-ġurnalisti titlob li kull ħaga rrapurtata għandha tkun verifikata ma’ sorsi uffiċjali, l-etika titlob ukoll li kull rapport ikun akkurat u bbażat fuq il-fatti. B’dan il-mod il-pubbliku jkun mgħarraf b’mod ġust bis-sitwazzjoni li dejjem qed tevolvi, u mogħti l-informazzjoni li għandu dritt li jkun jaf dwar pajjiżna u l-kumplament tad-dinja.

Mill-banda l-oħra l-Awtorità tax-Xandir tappella lill-pubbliku biex iserraħ fuq sorsi u stqarrijiet uffiċjali sabiex ma jinħoloqx allarm żejjed u bla bżonn. F’dan ir-rigward, il-pubbliku għandu joqgħod attent għal każijiet ta’ fake news, partikolarment fuq is-siti soċjali, u għandu jagħżel b’għaqal is-sorsi minn fejn tinkiseb l-informazzjoni. B’hekk biss tista’ tiġi ggarantita l-kooperazzjoni u r-rispett li hemm bżonn f’dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji.


Mario Axiak
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
13 ta’ Marzu 2020