05/15 - 17 Mar 2015




Ċirkulari 05/15

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet Kollha tal-Komunitá

Issa li daħlet fis-seħħ id-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir b’rabta mal-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u r-Referendum Dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa huwa importanti li l-istazzjonijiet isegwu dawn ir-regoli:

(i) Preżentaturi li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ma jistgħux jieħdu vantaġġ billi jippromwovu l-kandidatura tagħhom waqt il-programm li jkunu qed jippreżentaw. B’effett immedjat, tali preżentaturi, li huma kandidati, ma jistgħux jippreżentaw programmi ta’ diskussjoni li jitrattaw temi lokali. L-istazzjonijiet iridu joqogħdu attenti sabiex ma jkunx hemm każijiet fejn il-preżentaturi jirċievu telefonati waqt il-programmi tagħhom li fihom is-semmiegħa jgħaddu kummenti dwar il-fatt li l-preżentaturi jkunu se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.

(ii) L-Awtorità tifhem li jista’ jkun hemm każijiet fejn jiġu mistiedna fil-programm kandidati li jkunu attivi f’setturi oħra fil-lokalità tagħhom. Dan huwa permessibbli sakemm il-mistiedna ma jagħmlux referenza diretta għall-kandidatura tagħhom.

(iii) Dawk l-istazzjonijiet li jxandru xi tip ta’ programm marbut ma’ ħidmet il-Kunsill Lokali tal-lokalità jridu jiżguraw li f’dawn il-ġimgħat li ġejjien jistiednu lill-kandidati kollha li se jkunu qed jikkontestaw fuq dik il-lokalità. Il-ħin għandu jinqasam bejn il-kandidati b’mod ġust. Programmi fejn jieħdu sehem biss jew Sindki jew numru limitat ta’ kunsilliera ma jistgħux jibqgħu jixxandru. Dan il-provediment jgħodd għal dawk l-istazzjonijiet li jxandru minn lokalitajiet li fihom se jkun hemm l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Madankollu, din ir-regola tgħodd ukoll għal kwalunkwe programm dwar Kunsill Lokali li għalih se jkun hemm elezzjoni nhar il-11 t’April.

(iv) Preżentaturi ma jistgħux jesprimu opinjoni favur jew kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa waqt li jkunu qed ixandru l-programm tagħhom.

(v) Fil-jum tas-silenzju (nhar il-Ġimgħa 10 t’April) u nhar il-votazzjoni (is-Sibt 11 t’April), l-istazzjonijiet iridu jsegwu l-provedimenti taċ-ċirkulari u m’għandu jixxandar l-ebda tip ta’ programm li jista’ raġonevolment jitqies li jista’ jinfluwenza l-votant sew dwar il-Kunsilli Lokali kif ukoll dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

(vi) Skont Paragrafu 2 (ċ) (i) u (ii) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, huwa l-obbligu ta’ kull stazzjon li jżomm kopja tax-xandiriet kollha għal perjodu ta’ 90 ġurnata. L-Awtorità tista’ titlob tali kopja ta’ programmi biex tivverifika x-xandir fuq kull stazzjon. Għalhekk nitlobkom biex taderixxu ma’ dan l-obbligu ħalli ma jkunx hemm problemi f’każ li tintalbu kopja tal-log tapes ta’ xi ġranet partikulari.

Bħas-soltu infakkarkom li f’każ li teħtieġu xi kjarifika jew għandkom bżonn ta’ aktar informazzjoni, tagħmlu kuntatt mad-Dipartiment tal-Monitoring tagħna.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
17 ta’ Marzu 2015
Ref 1/15