07/14 - 07 May 2014




Ċirkulari 7/14

Ċirkulari lill-istazzjonijiet tax-xandir

Issa li l-kampanja tal-Elezzjoni Għall-Parlament Ewropew riesqa lejn l-aħħar fażi tagħha, l-Awtorità tax-Xandir hija tal-fehma li minkejja d-direttiva maħruġa minnha għall-perjodu 11 t’April sal-24 ta’ Mejju u sussegwentement l-interpretazzjoni li kienet komunikata dwar parteċipazzjoni fi programmi minn kandidati u rappreżentanti ta' movimenti u partiti żgħar, jirriżulta li l-iskop tad-direttiva originali mhux qed jintlaħaq għax il-maġġoranza tal-istazzjonijiet ftit li xejn qed jagħtu spazju lil dawn il-kandidati.

Għalhekk ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir, l-Awtorita, b’effett immedjat, qed tidderiġi lil kull stazzjon televiżiv b’oġġettiv ta’ interess ġenerali (i.e TVM, TVM2, NET, ONE u Smash TV) biex:

  • Mhux anqas minn darbtejn fil-ġimgħa jistieden rappreżentanti/kandidati tal-partiti u movimenti li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Għall-finijiet ta’ kjarifika, l-Awtorità qed tirreferi speċifikament għal Alternattiva Demokratika, Imperium Europa, Alleanza Bidla u Alleanza Liberali.
  • Tali parteċipazzjoni għandha tkun jew fi programmi ta' diskussjoni jew waqt irkejjen fi programmi oħra li matulhom ikunu qed jiġu ttrattati materji ta' ġrajjiet kurrenti.
  • Kull intervent ta’ dawn ir-rappreżentanti għandu jkun mhux anqas minn għaxar minuti li matulhom il-kelliema ikunu jistgħu jwasslu l-messaġġi tagħhom b’rabta mal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
  • Fil-każ tal-kandidat indipendenti li qed jikkontesta f’isem il-Partit tal-Ajkla, dan għandu jiġi mistieden ta’ lanqas darba fil-ġimgħa u l-intervent m’għandux ikun anqas minn ħames minuti.

Din l-istess direttiva tgħodd għal dawk ir-radjijiet nazzjonali li jew ixandru programmi ta’ diskussjoni jew magazine programmes li matulhom jiġu ttrattati materji ta' grajjiet kurrenti.

L-Awtorita tisħaq li dan huwa il-minimu rikjest sabiex jiġi żgurat li l-provedimenti tal-Kostituzzjoni u tal-Att Dwar ix-Xandir jiġu osservati. F’każ li stazzjon jonqos li jaderixxi ma’ din id-direttiva nkun kostrett li nieħu l-passi kontemplati fl-Att Dwar ix-Xandir.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
7 ta’ Mejju 2014
Ref 103/03/5