08/09 - 15Apr2009




Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir dwar
Programmi u Reklami li Jixxandru
Matul il-Perijodu 4 ta’ Mejju sas-6 ta’ Ġunju 2009

Flimkien ma’ din iċ-ċirkulari qed nehmeż Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir dwar Programmi u Reklami li jixxandru matul il-perijodu 4 ta’ Mejju sas-6 ta’ Ġunju 2009.

Għandu jiġi ċċarat li din id-Direttiva qed tinħareġ bis-saħħa ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir u għalhekk, f’każ li xi stazzjon jikser xi parti minnha, tinħareġ akkuża kontra tiegħu u, jekk l-akkuża tiġi ppruvata, mhux biss ma jkunx possibbli li tingħata twiddiba iżda tiġi imposta penali amministrattiva li tista’ tlaħħaq massimu ta’ erbgħa u tletin elf u disa’ mija u erbgħin ewro (€34,940).

Għalhekk, huwa ferm importanti li kull stazzjon jiċċirkula, b’mod immedjat, din id-Direttiva lill-partijiet kollha interessati, inkluż lid-djar tal-produzzjoni indipendenti, sabiex dawn ikunu mgħarrfa bil-kontenut tagħha.

F’dan l-istadju, b’mod partikolari irrid niġbed l-attenzjoni tal-istazzjonijiet għall-ħtiġijiet ta’ artiklu 3 ta’ din id-Direttiva, li fost ħwejjeġ oħra:

i) jimponu obbligu fuq l-istazzjonijiet kollha li jipprovdu, mhux aktar tard minn nofsinhar ta’ nhar il-Ħamis, 23 t’April 2009, skeda dettaljata tal-programmi u reklami li għandhom jixxandru matul il-perijodu in kwistjoni, għall-approvazzjoni tal-Awtorità;

ii) jirregolaw il-frekwenza li biha jistgħu jipparteċipaw il-kandidati għall-elezzjonijiet in kwistjoni fi programmi mxandra fuq kull stazzjon tax-xandir matul il-perijodu li tkopri din id-Direttiva.

Niġbidlek l-attenzjoni li wara li jiġu approvati d-dettalji dwar programmi skond l-artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, l-Awtorita' tapprova t-tibdil għas-suġġetti f’każijiet eċċezzjonali biss.

Pierre Cassar
Kap Esekuttiv
15 t’April 2009
Ref 103/03