[12/14] Stqarrija mill-Awtorità tax-Xandir (06/06/2014)




Stqarrija Nru.: 12/2014

Stqarrija mill-Awtorità tax-Xandir

L-Awtorità tax-Xandir illum irċeviet kopja ta’ ittra mibgħuta mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja lil Dr Tonio Azzopardi b’referenza dwar il-każ tal-klijent tiegħu Emmanuel Camilleri.  F’din l-ittra l-Kummissjoni attirat l-attenzjoni għall-obbligi ta’ etika professjonali meta jingħataw stqarrijiet fuq il-media inklużi l-mezzi tax-xandir.

L-Awtorità tax-Xandir ħadet nota tal-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u filwaqt li tirrispetta li f’soċjetà demokratika l-istazzjonijiet għandhom id-dritt li jinfurmaw il-pubbliku bi ġrajjiet ta’ interess pubbliku, tenfasizza l-ħtieġa li dawn iridu jirrispettaw ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għas-smigħ xieraq ta’ persuni involuti fi proċessi kriminali pendenti u li jirrispettaw ukoll l-integrità u l-indipendenza tal-ġudikatura.

Għalhekk titlob lill-istazzjonijiet kollha li meta jkunu qed jitrattaw dan il-każ u suġġetti simili konsistentament jżommu quddiemhom dawn l-obbligi.

Bħal dejjem l-Awtorità se tkun qed issegwi dak kollu li jiġi mxandar b’rabta ma’ dan il-każ u jekk jirriżulta li l-istazzjon jew stazzjonijiet naqsu li jaderixxu mal-provvedimenti tal-liġi tieħu l-passi adekwati kontemplati mill-Att dwar ix-Xandir.

6 ta’ Ġunju 2014