Ċirkulari 08/26
Ċirkulari lill-Istazzjonijiet Kollha tar-Radju
Separazzjoni bejn il-Kontenut Editorjali u r-Reklamar fuq ir-Radju
Permezz ta’ din iċ-Ċirkulari, l-Awtorità tax-Xandir tixtieq tiġbed l-attenzjoni tas-servizzi radjofoniċi u lix-xandara rispettivi tagħhom dwar l-importanza li tinżamm separazzjoni ċara bejn il-kontenut editorjali fil-programmi u l-komunikazzjonijiet kummerċjali li jixxandru, kemm jekk dawn jixxandru f’sensiela ta’ reklami, kif ukoll jekk jixxandru bħala parti minn messaġġ promozzjonali.
Għaldaqstant, fid-dawl tal-obbligi stabbiliti fl-Att dwar ix-Xandir (Kap. 350), b’mod partikolari fit-Tielet Skeda tal-istess Att, l-Awtorità qed tagħti din l-ispjegazzjoni u direzzjoni sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-kontenut editorjali u r-reklamar jitħalltu jew ma jkunux jistgħu jingħarfu bħala tali b’mod ċar mis-semmiegħa.
1. Identifikazzjoni u distinzjoni tar-reklamar
Skont Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, ir-reklamar u t-telexiri għandhom ikunu faċilment rikonoxxibbli bħala tali u distinti mill-kontenut editorjali.
Għaldaqstant, ir-reklamar għandu dejjem ikun ippreżentat b’mod li jagħmilha ċara lis-semmiegħa li dak li jkun qed jixxandar huwa komunikazzjoni kummerċjali (reklam) u mhux parti mill-programm (kontenut editorjali).
Fil-prattika, dan ifisser li r-reklami għandhom ikunu separati b’mod ċar mill-kontenut tal-programm u ma għandhomx jiġu ppreżentati jew imwassla b’mod li jagħtu l-impressjoni li huma parti minn diskussjoni, intervista, rokna informattiva jew kwalunkwe element editorjali ieħor.
L-istess prinċipju japplika għall-identifikazzjoni tal-isponsors. Kull arranġament ta’ sponsorship għandu jkun identifikabbli b’mod ċar bħala tali, skont il-provvedimenti applikabbli tal-Att dwar ix-Xandir, hekk kif spjegati fiċ-Ċirkulari 2/21.
2. Separazzjoni bejn il-kontenut editorjali u r-reklamar
L-Awtorità tfakkar li l-kontenut editorjali ta’ programm għandu jibqa’ distint u indipendenti minn kwalunkwe attivitajiet kummerċjali inkluż dawk imtella’ mill-preżentaturi stess.
Għaldaqstant, il-preżentaturi u l-kontributuri tal-programmi ma għandhomx jagħmlu reklamar jew promozzjoni ta’ prodotti, servizzi, attivitajiet jew avvenimenti waqt li jkunu qed jippreżentaw jew jipparteċipaw fi programm.
Ir-reklamar għandu jsir biss fil-partijiet apposta għal dan il-għan u mhux jiġi integrat fid-diskors jew fil-kontenut editorjali tal-programm.
Bl-istess mod, preżentatur ma jistax juża l-programm li jkun qed jippreżenta sabiex jagħmel promozzjoni ta’ xi attività jew avveniment li fih ikun ser jieħu sehem, ikun qed jattendi jew ikun preżenti għalih, kemm jekk dan ikun fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll f’xi rwol ieħor.
Dan ir-rekwiżit huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-preżentatur juża l-pożizzjoni tiegħu fil-programm sabiex jagħti prominenza kummerċjali lil attivitajiet jew avvenimenti partikolari.
3. Kummenti u interventi tas-semmiegħa
L-istess prinċipju ta’ separazzjoni għandu japplika wkoll għall-interventi tas-semmiegħa.
Għaldaqstant, ma għandux ikun hemm kummenti, interventi jew kontribuzzjonijiet minn semmiegħa, kemm jekk permezz ta’ telefonati, messaġġi jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, li jkunu intiżi sabiex jikkummentaw jew jippromwovu attivitajiet, avvenimenti jew parties li jkunu qed jiġu rreklamati.
L-Awtorità tqis li l-inklużjoni ta’ tali kummenti fil-kontenut editorjali tista’ toħloq rabta bejn ir-reklamar u l-programm innifsu, u b’hekk tnaqqas mid-distinzjoni li għandha tinżamm bejn iż-żewġ elementi.
4. Referenzi għal reklami li jkunu xxandru
L-Awtorità tixtieq tiġbed l-attenzjoni wkoll għall-prattika fejn, waqt il-kontenut ta’ programm, il-preżentaturi jew il-kontributuri jagħmlu referenza għal reklam li jkun ixxandar, jew ser jixxandar, waqt l-istess programm.
Tali prattika mhijiex aċċettabbli, għaliex toħloq rabta diretta bejn il-kontenut editorjali u r-reklamar u tista’ tagħti lir-reklam pjattaforma addizzjonali barra mill-ħin allokat għaliha.
Għaldaqstant, ma għandhomx isiru referenzi, kummenti jew rimarki fil-kontenut tal-programm dwar reklami li jkunu xxandru, kemm jekk dawn ikunu jirrigwardaw attivitajiet, parties, avvenimenti, prodotti jew servizzi.
Dan japplika wkoll għal referenzi indiretti jew kummenti li, għalkemm ma jkunux espliċitament ta’ natura promozzjonali, ikollhom l-effett li jiġbdu l-attenzjoni tas-semmiegħa lejn reklam partikolari.
Konklużjoni
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Awtorità tax-Xandir qed titlob lis-servizzi radjofoniċi u lix-xandara rispettivi sabiex jiżguraw li l-prinċipji msemmija f’din iċ-Ċirkulari jiġu osservati b’mod konsistenti fil-programmi kollha tagħhom. Qed titlob li d-detenturi tal-liċenzja ta’ dawn is-servizzi huma obbligati biex jgħaddu informazzjoni u spjegazzjonijiet bħal dawn kif ukoll informazzjoni addizzjonali dwar il-provvedimenti tal-liġi lil produtturi u preżentaturi kollha tal-programmi.
L-Awtorità tfakkar li r-reklamar għandu jibqa’ limitat għall-ispazju u l-format allokat għalih, filwaqt li l-kontenut editorjali għandu jinżamm ħieles minn kull forma ta’ promozzjoni kummerċjali li tista’ tikkomprometti l-indipendenza u l-integrità tiegħu.
L-Awtorità tirriżerva d-dritt li tieħu l-passi regolatorji meħtieġa f’każijiet fejn dawn il-prinċipji u l-obbligi legali ma jiġux osservati liema passi jistgħu jinkludu wkoll l-impożizzjoni ta’ penali amministrattiva.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
9 ta’ Novembru 2026
Ref. 17/62