F Living - Exodus - 8 ta' Marzu 2019




Deċiżjoni dwar il-programm Exodus li xxandar fit-8 ta’ Marzu, 2019

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-programm Exodus li xxandar fit-8 ta’ Marzu, 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 1 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta matul din il-parti tat-trasmissjoni xxandru ħames reklami politiċi tal-European Christian Political Movement, dan sar bi ksur ta’ Paragrafu 1 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir li jipprojbixxi reklamar ta’ natura politika u minkejja ittra ta’ twissija mibgħuta mill-Awtorità tax-Xandir lill-istazzjon dwar każ simili datata 25 ta’ Jannar 2019.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Karl Bonaci li kien akkumpanjat mis-Sur Giglio Pirrone f’isem F Living u lis-Sur Ivan Grech Mintoff għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-17 t’April, 2019.

Minn naħa tiegħu s-Sur Karl Bonaċi qal li l-istazzjon kien ħa azzjoni qabel ma nġibdet l-attenzjoni mill-Kap Eżekuttiv. Żied li sussegwentement meta intebaħ li dawn il-clips kienu reġgħu ixxandru huwa kien ġibed l-attenzjoni tad-Direttur Viżiv tal-istazzjon li minn naħa tiegħu kien infurmah li l-kontenut kien differenti.

Is-Sur Ivan Grech Mintoff qal li dawn l-ispots kienu juru lilu waqt li kien qed jattendi konferenzi barra minn Malta tal-European Christian Political Movement. Żied li fl-ispots fl-ebda mument ma kien hemm xi referenza biex jingħata l-vot lil xi partit partikolari iżda l-ispots kienu juru l-kliem Vote Christian.

Is-Sur Karl Bonaci saħaq li jekk dawn l-ispots kienu problematiċi allura l-Awtorità kellha tieħu azzjoni kontra stazzjonijiet oħra.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat il-filmati relattivi u qablet illi l-kliem ‘Vote’ kienu jirriduċu dawn l-ispots reklami politiċi anke jekk f’kuntest wiesgħa u saħansitra anke jekk l-informazzjoni l-oħra ma kienitx tikser id-dispożizzjonijiet tal-liġi. In vista ta’ dan l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet tirriżulta limitatament kif hawn indikat u għaldaqstant qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum 3 ta’ Mejju, 2019