Favourite Channel - Jien u Int - 31 ta' Mejju 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Favourite Channel dwar il-programm Jien u Int tal-31 ta’ Mejju 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon eċċeda il-limitu konsentit ta’ 12-il minuta reklamar f’siegħa orarja, meta bejn is-18.00 u s-19.00 dan xandar 14-il minuta u 57-il sekonda ta’ reklami.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttivi u lis-Sur Virgilio Pirrone li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-3 ta’ Lulju, 2012, li min naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża irrilieva li fil-każ in eżami l-ksur tal-liġi kien riżultat ta’ żball uman minn naħa tat-transmission operator.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-programm instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqas.

11 ta' Lulju 2012