ONE - Arani Issa - 7, 14, 21 ta' Diċembru 2019




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programmi Arani Issa li xxandru fis-7, 14 u 21 ta’ Diċembru, 2019

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE  rigward il-programmi Arani Issa li xxandru fis-7, 14 u 21 ta’ Diċembru 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K (a) tal-Att dwar ix-Xandir fit-tliet edizzjonijiet. Dan minħabba li matul dawn it-tliet programmi xxandret rokna b’informazzjoni u pariri dwar l-ilbies u intwerew diversi mudelli b’ilbies differenti sabiex jakkumpanjaw l-informazzjoni li kienet qed titwassal fir-rokna. Iżda l-preżentatur irringrazzja lil persuna li kienet qed tgħaddi din l-informazzjoni u speċifika mil-liema stabbiliment kienet ġejja din il-persuna.  Wara li ġew ippreżentati dawn l-irkejjen hekk imsejħa rkejjen informattivi, l-preżentatur lura fl-istudio reġa’ rringrazzja lill-persuna u assoċjaha wkoll ma’ stabbiliment tal-ħwejjeġ li speċifikament issemma fir-rokna u anke waqt il-programm fl-istudio.

Barra minn hekk filwaqt li l-istejjer ippreżentati kienu stejjer ta’ make over, il-parteċipanti fl-ebda ħin ma dehru li libsu xi ħwejjeġ minn dawk li ġew ippreżentati fir-rokna ta’ qabel.

Għaldaqstant l-irkejjen li huma meqjusa informattivi servew biss bħala reklamar għall-istabbiliment partikolari tal-ħwejjeġ.

Fit-tliet każijiet seħħ ksur ta’ Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir liema artiklu jgħid li :

“... il-kommunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għandhom jingħarfu mill-ewwel bħala tali. Kommunikazzjoni kummerjċlai awdjoviżiva bil-moħbi tkun projbita”

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Dr Joseph Chetcuti f’isem il-produzzjoni li kien akkumpanjat minn Ruth Vella f’seduta li nżammet fis-17 ta’ Ġunju 2020 li min-naħa tiegħu qal li dan in-nuqqas seħħ minħabba li l-irkejjen ikunu rrekordjati separatament mill-programm iżda meta ġew mgħarrfa bl-akkuża editjaw il-partijiet fl-istudio biex ma jkunx hemm ringrazzjament doppju. Qal ukoll li l-persuna ma tilbisx xi libsa li tkun dehret fir-rokna minħabba r-raġuni li dawn ikunu ġew irrekordjati minn qabel u għalhekk anke t-tip ta’ ħwejjeġ inkunu inbidlu mill-istabbiliment.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat il-filmat relattiv ddeċidiet li fit-tliet edizzjonijiet l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali relattiva ridotta ta’ €2330 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.  

 

 

 

Illum 30 ta’ Ġunju, 2020