ONE - Il-Mara llum - 5, 14, u 19 ta' Mejju 2009




L-Awtorità kellha quddiema akkuża li l-programm Il-Mara Llum tal-5, 14 u 19 ta’ Mejju, 2009 kien kiser id-direttiva dwar Programmi u Reklami mxandra matul il-perjodu 4 ta’ Mejju sas-6 ta’ Gunju 2009  meta l-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Marlene Mizzi ipparteċipat tliet darbiet.

Peress illi għas-smiegħ ta’ din l-akkuża l-istazzjon għal darba oħra naqas li jkun preżenti l-Awtorità dehrilha li kellha tiddeċiedi l-każ.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u wara diskussjoni ikkostatat:

  • illi l-istazzjonijiet kienu diġà ġew imwiddba bil-miktub mill-Kap Eżekuttiv sabiex ma jiksrux id-dispożizzjoni tad-direttiva u b’mod partikolari  Artikolu 3(3)(iii);
  • stante din it-twiddiba l-istazzjon kien kiser din id-dispożizzjoni mhux darba iżda ripetutament;
  • illi fil-fatt il-parteċipazzjoni tal-kandidati in kwistjoni  fil-programmi imsemmija kienet manifestament ta’ natura politikament partiġġjana;
  • illi l-istazzjon minnbarra l-programmi skedati kien alloka ħin  ampju lill-kandidati prospettivi tiegħu biex dawn jippromwovu  l-kandidatura tagħhom.

Għaldaqstant l-Awtorità ikkonkludiet illi l-akkuża ġiet ippruvata u ma setgħatx taċċetta li waqt kampanja elettorali tiġi prattikament injorata direttiva tal-Awtorità maħruġa speċifikament biex tirregola l-kontenut fuq il-mezzi tax-xandir waqt il-kampanja elettorali u għalhekk imponiet penali fl-ammont ta’ erbat elef mija u tnejn, u disgħin Ewro (€4,192), liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din l-ittra.

Għal darba oħra l-Awtorità tiddeplora bil-qawwa l-aġir tal-istazzjon, li għat-tieni darba naqas milli jattendi għas-seduta imsemmija liema aġir jikkostitwixxi nuqqas ta’ rispett lejn din l-istituzzjoni u r-rwol kostituzzjonali tagħha.