ONE - Liquorish - 1 t' April 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-programm Liquorish li xxandar fl-1 t’April, 2013 fejn ġie allegat li kien hemm ksur tal-provvedimenti dwar tqegħid ta’ prodott u ċioè Artiklu 16M (3)(c) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt il-programm deher b’mod prominenti it-toothpaste tad-ditta Sensodyne u kif ukoll sar iffukar fuq il-prodott Panadol li wassal għal prominenza żejda.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lill-produttur tal-programm is-Sur Warren Brimmer, f’laqgħa li nżammet fit-23 t’April, 2013.

Is-Sur Brimmer ikkontenda li l-aspett ta’ prominenza żejda kien wieħed suġġettiv għall-aħħar u li l-Awtorità b’din l-akkuża kienet qed tonqos milli tieħu konjizzjoni tal-kuntest u l-isforz li jsir mill-produzzjoni sabiex jittella’ programm ta’ dan it-tip.  Żied li apparti dan wieħed kellu jżomm f’moħħu l-kompetizzjoni qalila għar-reklamar u sponsorship.

Iċ-Chairman qal li l-Awtorità kienet tifhem u tapprezza il-ħidma tal-produzzjoni inkluż l-investiment meħtieġ biex dan ikun ta’ kwalità għolja, madanakollu kienet il-funzjoni tagħha li tara li l-istazzjonijiet isegwu l-liġijiet viġenti aktar u aktar meta din l-istess funzjoni kienet qed tkun skrutinizzata mill-Kummissjoni Ewropea kif rifless f’rapport li kien għadu kemm ġie ippublikat.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż li l-fatti marbuta mal-akkuża ma ġewx kontestati iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li avvera ruħu dan il-ksur qablet li timponi l-penali relattiva ta’ elfejn tliet mija u tletin ewro (€2,330), liema penali kellha tkun sospiża għal sitt xhur.

Illum 3 ta’ Mejju, 2013