ONE - One News - 14 ta' Novembru 2009




Ilment imressaq minn Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd. dwar it-trattament minn ONE TV (ONE News) ta’ Dritt ta’ Risposta mitluba mill-istess Dr Natalino Fenech

Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS, ressaq ilment quddiem l-Awtorità tax-Xandir, taħt Artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir, dwar il-mod kif ġie ttrattat dritt ta’ risposta, mitlub mill-istess Dr Natalino Fenech, fil-bullettin tal-aħbarijiet ta’ ONE TV tal-14 ta’ Novembru 2009. F’bullettin tal-aħbarijiet preċedenti, u ċjoé f’dak tal-11 ta’ Novembru 2009, ONE TV kien xandar aħbar dwar l-iskumdità, fl-opinjoni tal-istazzjon, tal-Prim Ministru fil-konfront tal-Ministru tal-Finanzi tiegħu. F’dan ir-rigward, l-istazzjon kien ikkummenta, fost ħwejjeġ oħra, li xi ġranet qabel, l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista NET TV, meta kien qed ixandar il-konferenza stampa li kien indirizza l-Prim Ministru fil-preżenza tal-Ministru tal-Finanzi wara d-diskors tal-budget, kien qata’ x-xandira meta kienu se jibdew il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Immedjatament wara ntqal ukoll li ‘l-istazzjon nazzjonali tal-PBS ukoll qata’ barra xi mistoqsijiet li saru mill-ġurnalisti u ma xandarx b’mod sħiħ il-konferenza stampa tal-Prim Ministru’. M’hemmx dubbju li, bil-mod kif ixxandret din l-aħbar, it-telespettatur seta’ ngħata l-impressjoni li d-deċiżjoni tal-PBS li jtemm ix-xandira ta’ din il-konferenza stampa kienet parti minn xi strateġija politika.

L-Awtorità semgħet dan l-ilment waqt seduta li saret nhar it-Tlieta, 22 ta’ Diċembru 2009. L-istazzjon tal-PBS kien rappreżentat mill-imsemmi Dr Natalino Fenech, li kien assistit mill-Avukat Therese Comodini Cachia, waqt li l-istazzjon ONE TV kien rappreżentat mis-Sur Glenn Bedingfield, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-istazzjon.

Wara li evalwat l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha kif ukoll ir-rappreżentazzjonijiet li saru mill-partijiet in kwistjoni, l-Awtorità kkonstatat li l-Ħtiġijiet tal-istess Awtorità dwar Standards u Prattika f’Bullettini tal-Aħbarijiet u fi Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti (S.L. 350.14) jispjegaw bl-aktar mod ċar kif għandu jiġi ttrattat dritt ta’ risposta fil-mezzi tax-xandir. Meta dan id-dritt ikun iġġustifikat, kif fil-fatt kien f’dan il-każ partikolari, Artiklu 8.15 ta’ dawn il-Ħtiġiet jispjega, fost ħwejjeġ oħra, li t-tul tar-risposta normalment m’għandhix teċċedi 180 sekonda, li r-risposta għandha tinqara kif mibgħuta u li, jekk l-istazzjon iħoss li għandu jagħti l-kummenti tiegħu, dan jista’ jsir wara li tkun inqrat ir-risposta. L-istazzjon naturalment għandu d-dritt li jeditja r-risposta sabiex jassigura li din ma tkunx defamatorja jew offensiva.

L-Awtorità kkonkludiet li l-kontenut tar-risposta li Dr Fenech issottometta lil One TV kienet fil-parametri tal-imsemmija Ħtiġijiet u li għalhekk ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni għalfejn l-istazzjon kellu jitratta dan id-dritt ta’ risposta bil-mod li għamel, u ċjoé b’referenza qasira u selettiva u bir-risposta mżewqa b’numru ta’ kummenti li deherlu li kellu jagħmel l-istazzjon.

Għalhekk, l-Awtorità tax-Xandir qed tordna lil ONE TV sabiex ixandar, mhux aktar tard mit-8 ta’ Jannar 2010, il-kontenut sħiħ tar-risposta miltuba minn Dr Natalino Fenech bl-introduzzjoni segwenti:

“Wara ilment li sar, skont il-Liġi tax-Xandir, mill-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS, l-Awtorità tax-Xandir ordnat lil ONE TV sabiex tixxandar risposta li kienet ntalbet minn TVM dwar aħbar li kienet ixxandret fil-bullettin tal-aħbarijiet ta’ ONE TV tal-14 ta’ Novembru 2009 dwar il-qtugħ tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru f’jum il-Budget.”