ONE - One News - 7 u 8 ta’ Marzu 2016




Ilment mill-UHM kontra One News tas-7 u t-8 ta’ Marzu 2016

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-UĦM Voice of the Workers datat 11 ta’ Marzu 2016 kontra ONE News rigwardanti l-bulettin tal-aħbarijiet imxandar fis-7 u t-8 ta’ Marzu 2016 fejn kien allegat li dritt ta’ risposta mitlub mill-istess Union ma ġiex imxandar fl-intier tiegħu u l-istazzjon ħalla barra kontenut li għall-Union kien importanti li jiġi ppubblikat. In oltre, fl-ilment tagħha l-Union irrilevat li l-istazzjon kien selettiv ukoll meta xandar rapport dwar intervista bit-telefon ma’ Josef Vella, liema aġir kien inaċċettabbli u kien għal dawn ir-raġunijiet li talab l-intervent tal-Awtorità.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Herman Micallef li kien assistit mill-Avukat Dr Andrew Grima għall-UHM u lis-Sur Aleandar Balzan, Editur ta’ One News, li kien qed jidher f’isem u in rappreżentanza tal-istess.

Min-naħa tiegħu Dr Grima ikkontenda li f’servizz waqt il-Bulettin tal-Aħbarijiet tas-7 ta’ Marzu One News irrapporta li xi ħaddiema ta’ Medialink Communications Company Limited fittxew l-għajnuna tal-UĦM Voice of the Workers wara li kien ingħatalhom non-disclosure agreement sabiex jiffimaw. Żied li skont il-Union dak li ġie rrappurtat u l-mod kif ġie rrappurtat fiż-żewġ każi ma kienx jirrifletti l-fatti u kien għalhekk l-għada fit-8 ta’ Marzu, l-Union kienet bagħtet u talbet Dritt ta’ Risposta biex jinqara fuq l-istess mezzi tax-xandir, fejn fissret li l-imsemmija Union kienet fil-fatt tisma’ u tilqa’ kull ħaddiem li kien jirrikorri għandha b’xi ilment ġej minn fejn ġej u li l-istess kien ġara meta kienu rrikorrew għandha ħaddiema mill-Partit Laburista u minn ONE Productions.

Dr Grima qal li fit-8 ta’ Marzu wkoll ġurnalista ta’ ONE News kienet ħadet kumment bit-telefon tal-Kap Eżekuttiv tal-Union, f’liema kumment is-Sur Vella kien stqarr għadd ta’ affarijiet. Żied li fir-rapport li xxandar fit-8 ta’ Marzu l-istazzjon ma xandarx il-kontenut sħiħ tad-dritt ta’ risposta u għażel li jħalli barra partijiet li għall-Union kienu importanti kif ukoll li mill-intervista kienet ittieħdet silta qasira ħafna b’mod li l-kummenti tas-Sur Vella dehru jaqblu mar-rapport ta’ qabel.

Min-naħa tiegħu s-Sur Aleander Balzan qal li bħala Editur dehrlu li r-rapport kien fattwali u ma ħassx li l-UĦM kellha tingħata dritt ta’ risposta. Żied li l-fatt li kien sar rapport ieħor l-għada ma kienx konsegwenza tal-ilment iżda bħal ma kienet il-prassi l-istazzjon ħass li kellu jkun hemm follow-up tal-istorja. Is-Sur Balzan qal li skont hu dritt ta’ risposta huwa ġustifikat f’każ ta’ rapport żbaljat jew skorrett u mhux għax wieħed irid iżid xi ħaġa u kien għalhekk li f’dan il-każ ma kienx hemm raġuni li jixxandar dritt ta’ risposta.

L-Awtorità, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva, qablet li dan kien każ partikolari fejn minn banda l-istazzjon kien ikkunsidra l-komunikat tal-UĦM bħala stqarrija, iżda mill-banda l-oħra fis-servizz tintuża l-frażi ‘risposta’ u għalhekk ingħatat interpretazzjoni konflinġenti. In vista ta’ dan, l-Awtorità iddeċidiet illi minħabba d-dubju li tqajjem dwar in-natura tas-servizz imxandar u jekk kienx fil-fatt jikkostitwixxi dritt ta’ risposta, deherilha li ma kellhiex tikkunsidra ulterjoralment dan l-ilment.

29 t’April 2016