ONE - Pjazza - 1 ta' Marzu 2021




Deċiżjoni rigward ilment imressaq minn Prof Kevin Cassar kontra ONE rigward kummenti li intqalu fil-programm Pjazza tal-1 ta’ Marzu 2021.

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment li tressaq minn Prof Kevin Cassar dwar dak li xxandar f’parti mill-programm Pjazza li xxandar fl-1 ta’ Marzu 2021 fuq ONE.

 

F’email datata 2 ta’ Marzu, Prof Kevin Cassar ilmenta li waqt il-programm Pjazza li xxandar fl-1 ta’ Marzuil-preżentatur għamel kummenti foloz u malizzjużi ta’ dak li ġie allegat li qal Prof Cassar waqt intervista li saritlu fil-programm ta’ Prof Andrew Azzopardi u li xxandar fuq l-istazzjon 103 fis-27 ta’ Frar 2021.    Prof Kevin Cassar qal li l-preżentatur fl-ebda stadju ma talab li jivverifika l-kummenti li għoġbu jagħmel il-preżentatur. Għaldaqstant talab li l-Awtorità tax-Xandir tinvestiga dan il-każ u tieħu l-passi neċessarji.

 

Waqt seduta li instemgħet quddiem l-Awtorità fil-11 ta’ Marzu 2021, dehru b’mod virtwali Prof Kevin Cassar, filwaqt li għal ONE dehru  Dr Jonathan Attard in rappreżentanza tal-istazzjon ONE u l-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Partit Laburista, is-Sur Ronald Vassallo.

 

Prof Kevin Cassar beda s-sottomissjonijiet tiegħu billi qal li l-preżentatur ta’ Pjazza, Karl Stagno Navarra għadda kummenti u allegazzjonijiet foloz fir-rigward tiegħu personali.  Qal li jumejn qabel dan il-programm, huwa kien mistieden fil-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq ir-radju 103. Qal li matul dik l-intervista mal-Prof Azzopardi, hu kkwota mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li kien jindika li f’Malta ż-żgħażagħ li jispiċċaw l-iskola ta’ sittax-il sena għandhom numerical skills issues u 35 fil-mija għandhom problema ta’ literacy.

 

Prof Cassar irrefera għal dak li qal Karl Stagno Navarra fil-programm Pjazza tal-1 ta’ Marzu u qal li minkejja l-kummenti li għadda, fl-ebda punt ma talbu kumment biex jikkonferma dak li kien qed jgħid. Prof Cassar qal li anke l-Ministru Roderick Galdes li kien ukoll preżenti fil-programm għadda kummenti li ma kinux minnhom għaliex hu qatt ma għamel attakk fuq l-għalliema u fuq l-eduktaturi kif allega l-Ministru Galdes.

 

Prof Cassar talab l-intervent tal-Awtorità għaliex ħass li l-kummenti foloz u l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu tefgħu dell ikrah, aktar u aktar għall-kredibiltà tiegħu personali imma wkoll għall-professjoni tiegħu. Qal li l-intenzjonijiet tal-programm kienu li jinċitaw mibgħeda jew biex it-telespetatturi li potenzjalment jistgħu jkunu pazjenti tiegħu jkollhom konklużjonijiet żbaljati.  Dan wara li l-allegazzjonijiet li saru ġew ippreżentati bħala fatt waqt il-programm.

 

Min-naħa l-oħra Dr Jonathan Attard in rappreżentanza ta’ ONE qal li l-Awtorità għandha tillimita ruħha għall-ilment u qal li l-programm Pjazza huwa programm ta’ analiżi politika fejn il-preżentatur xandar siltiet minn dak li xxandar fuq programm tar-radju u qal li silet xi dikjarazzjonijiet li saru u li kienu ta’ ċertu portata saħansitra li anke ġew irraportati fuq xi portals fosthom ir-rapport li deher fuq newsbook. Ir-rapport kien jgħid li b’sistema ta’ edukazzjoni fqira l-poplu jivvota għall-gvern korrott.

 

Dr Attard qal li għaldaqstant il-preżentatur ma kellux l-obbligu li jiċċekkja dak li intqal mill-mistieden waqt l-intervista għaliex dan ġie rrapurtat u dan ġie ppubblikat. Qal li x-xandar kien qed jikkummenta u jirreferi għal dak li qal il-Prof Cassar pubblikament waqt intervista li kienet diġa imxandra.

 

Rigward it-talba ta’ dritt ta’ risposta, Dr Attard qal li Prof Cassar qatt ma talab l-ebda dritt ta’ risposta u allura ma setax jgħid li ma ngħatax dan id-dritt ta’ risposta, liema dritt qatt ma intalab.  Dr Attard kkummenta wkoll li Prof Cassar kellu l-obbligu li jeżerċita d-dritt li tagħtih il-liġi u jibgħat dritt ta’ risposta biex l-istazzjon ixandaraha.

 

L-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni u l-programm in kwistjoni, l-Awtorità qablet li l-ilment kien jitratta kummenti li saru fil-konfront tal-lanjant Prof Kevin Cassar mill-preżentatur Karl Stagno Navarra. 

 

L-Awtorità tħoss li l-ilment m’għandux jintlaqa’ minħabba li Prof Kevin Cassar qatt ma talab dritt ta’ risposta mingħand l-istazzjon dwar dak li qed isejjaħ kummenti mhux veritieri fil-konfront tiegħu liema dritt seta’ talbu skond il-liġi hekk kif indikat f’Paragrafu 8.15 tal-Leġislazzjoni Sussidjarju 350.14 jew seta’ talab toroq oħra ta’ rimedju. 

 

Iżda l-Awtorità tħoss li għandha tippronunzja ruħha fir-rigward ta’ programmi politiċi bħalma huwa Pjazza. Filwaqt li tifhem li stazzjon jista’ jagħmel analiżi politika jew saħansitra kritika fuq materja kurrenti, iżda titlob li dan isir b’rispett u b’attenzjoni xierqa.  Kull preżentatur għandu joqgħod attent mit-tip ta’ lingwaġġ li juża meta janalizza kontenut kurrenti. L-Awtorita tħoss li f’dan il-każ kien hemm nuqqas min-naħa tal-preżentatur u allura tal-istazzjon.  L-Awtorità ma tistax tinjora li l-kummenti ta’ Karl Stagno Navarra ma kinux jirriflettu fedelment dak li effettivament qal Prof Kevin Cassar fl-intervista tiegħu fi programm ieħor.

 

 

                                                                                                           

26 ta’ Marzu 2021