PBS - Partit Nazzjonalista - 7 ta' Mejju 2017




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward il-Bulettin tal-Aħbarijiet ta’ TVM tas-7 ta’ Mejju 2017


L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 8 ta’ Mejju 2017 rigward l-Aħbaijiet ta’ TVM tas-7 ta’ Mejju 2017. Il-Partit Nazzjonalista qal ‘li waqt l-aħbarijiet tal-PBS tat-tmienja ta’ filgħaxija l-PBS xandar gidba li Dr Muscat qal waqt il-mass meeting f’Ħaż-Żabbar u irrepetiha għal darbtejn oħra waqt is-servizz’. Fl-ilment tiegħu il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-PBS u l-kamra tal-aħbarijiet kienu fid-dmir bħala xandâr nazzjonali li jivverifika l-fatti u saħaq li ‘il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-ebda parti mid-diskors tiegħu ma offenda jew għajjar lin-nies li jgħixu fin-naħa t’isfel ta’ Malta, u dan il-PBS kien jafu għax kellu l-ġurnalisti tiegħu għal din l-attività.’

L-Awtorità semgħet lis-Sur Matthew Bonett, Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fil-11 ta’ Mejju 2017.

Is-Sur Matthew Bonett ikkontenda li l-istazzjon irrapporta d-diskors ta’ Dr Joseph Muscat dwar dak li kien qal Dr Simon Busuttil bħala stat ta’ fatt u ma kienx ivverifika l-fatti. Żied li l-Partit kien jippretendi li x-xandâr nazzjonali jivverifika l-fatti qabel jirraporta.
Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo qal li fil-każ ta’ Mass Meetings l-istazzjon jalloka l-istess faċilitajiet liż-żewġ Partiti u jxandar dak li jkunu qalu l-kelliema rispettivi u allura jekk il-ġurnalist jirrapporta fedelment dak li jkun intqal u l-Partit iħoss li kien hemm skorrettezza f’dak li jkun qal il-kelliem, il-Partit kellu l-mezzi biex jieħu passi kontra l-kelliem. Żied li dwar dan il-każ, l-għada l-istazzjon kien irrapporta dak li qal Dr Simon Busuttil b’referenza għall-iskorrettezza.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoniiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva iddeċidiet li l-ilment ma kienx jirriżulta.

Madanakollu l-Awtorità filwaqt li tifhem u tapprezza ċ-ċirkostanzi partikolari li jaħdmu fihom il-ġurnalisti u l-kamra tal-Aħbarijiet waqt Kampanja Elettorali tenfasizza l-ħtieġa li l-ġurnalisti u l-istazzjonijiet ikunu sensittivi u diliġenti meta qed jirrapurtaw u jippreżentaw diskorsi politiċi.

Illum 12 ta’ Mejju, 2017