PBS Ltd - Xarabank - 16 ta' Mejju 2014




Deċiżjoni mill-Awtorità tax-Xandir rigward  ilment mill-Partit Alleanza Bidla kontra PBS Ltd.

L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat ilment imressaq mis-Sur Ivan Grech Mintoff f’isem Alleanza Bidla dwar it-trattament tiegħu waqt il-programm Xarabank li xxandar nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju 2014.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Ivan Grech Mintoff f’isem u in rappresentanza ta’ Alleanza Bidla u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappresentanza ta’ PBS Ltd. F’dan il-każ, l-Awtorità semgħet ukoll lis-Sur Peppi Azzopardi, producer tal-programm Xarabank li deher bħala xhud tal-istess stazzjon.

Is-Sur Grech Mintoff qal li d-dibattitu tal-panel bejn it-tlett rappreżentanti tal-partiti ż-żgħar ixxandar ferm wara nofsilejl u għalhekk ħafna mit-telespettaturi ma kellhomx l-opportunità li jsegwu din il-parti tal-programm. Barra minn hekk, is-Sur Grech Mintoff qal ukoll li t-30 sekonda bijografija tiegħu wkoll ixandret tard ħafna u li l-istazzjon messu ma xandarx kant u żfin qabel ma bdiet din il-parti tal-programm.

Minn naħa tiegħu l-istazzjon qal li l-format tal-programm kien deċiż qabel ma ngħatat id-direttiva mill-Awtorità tax-Xandir. Għall-bidu l-programm kien se jikkonsisti f’dibattitu wieħed bejn kelliema taż-żewġ partiti ewlenin bir-rappreżentant tal-Alternattiva Demokratika jipparteċipa fl-aħħar parti ta’ dan id-dibattitu.

L-istazzjon qal ukoll li wara talba u qbil bejn iż-żewġ partiti ewlenin li jkun hemm żewġ dibattiti flok wieħed, il-programm kellu jitwal. Wara li ħarġet id-direttiva tal-Awtorità u wara direzzjoni mill-PBS, ġie deċiż li t-tlett rappreżentanti tal-partiti ż-żgħar jingħataw għaxar minuti kull wieħed u allura l-programm reġa twal b’nofs siegħa oħra. Dan minbarra l-ispots imxandra mill-partiti b’rabta mal-iskema ta’ xandiriet politiċi organizzati mill-Awtorità tax-Xandir, liema spots ixandru waqt l-istess programm Xarabank.

L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li għalkemm l-istazzjon kien mexa mad-direttiva tal-Awtorità u offra spażju lill-partiti/movimenti żgħar li qed jikkontestaw din l-elezzjoni, kien naqas meta xandar din l-intervista wara nofsilejl.

L-Awtorità hija tal-fehma li l-istazzjon setgħa ħa passi biex kemm jista’ jkun l-aħħar dibattitu ma jixxandarx daqshekk tard u dan billi ċertu rkejjen ta’ divertiment fosthom kant u zfin setgħu ma kienux inklużi fil-programm aktar u aktar meta wieħed iqis li in-natura ta din l-edizzjoni kienet waħda dedikata għall-kandidati u l-proposti tal-partiti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Awtorità ssib li l-ilment imressaq mis-Sur Ivan Grech Mintoff f’isem Alleanza Bidla huwa ġustifikat. Madankollu l-Awtorità tħoss li m’għandux jingħata rimedju u dan minħabba l-fatt li l-edizzjoni li jmiss ta’ Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Mejju taħbat f’jum is-silenzju u allura ma tistax tilqa’ t-talba ta’ Alleanza Bidla li ripetizzjoni ta’ dan id-dibattitu li għal kjarifika jiġi ċċarat li kien jinkludi wkoll lill-rappreżentant ta’ Alleanza Liberali u ta’ Imperium Europa, jixxandar nhar il-Ġimgħa.  Barra minn hekk l-Awtorità tinnota li l-istazzjon ta l-opportunità lis-Sur Grech Mintoff li jwassal il-messaġġ tiegħu waqt programmi oħra fuq TVM inkluż TVAM tal-15 u l-20 ta’ Mejju, 2014.

21 ta’ Mejju, 2014