RTK - Lotterija Super 5 - 30 t'April 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-istazzjon RTK dwar żewġ okkażjonijiet fejn l-istazzjon xandar reklam tal-lotterija Super 5 fil-17.00 u fis-18.30 li kienu ħinijiet ipprojbiti u dan bi ksur tad-dispożizzjonijiet fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.25 li jitrattaw reklamar dwar Logħob tal-Azzard.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lil Ms Sylvana Magro in rappreżentanza tal-istazzjon. 

Minn naħa tagħha Ms Magro filwaqt li ammettiet l-akkuża u n-nuqqas tal-istazzjon, irrilevat li dan kien seħħ minħabba li l-operatur li kien xogħol dakinhar ma kienx konsapevoli mir-regolamenti viġenti, u talbet lill-Awtorità tikkonsidra l-fatt li tul l-eżistenza tiegħu l-istazzjon ftit li xejn instab ħati ta’ ksur tal-liġi u dan kien jixhed l-impenn tad-diriġenti f’dan is-sens.

L-Awtorità filwaqt li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-istazzjon, u minkejja li l-istazzjon ammetta l-akkuża iddeċidiet li twiddeb lill-istess stazzjon peress li din kienet l-ewwel darba li dan instab ħati ta’ tali nuqqasijiet. Fid-deċiżjoni tagħha l-Awtorità rrikonoxxiet ukoll l-isforz tal-istazzjon li jaderixxi mar-regolamenti viġenti.

28 ta' Mejju 2012