TVM - Aħbarijiet - 12 ta' Frar 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tat-12 ta’ Frar 2024 dwar il-mod ta’ kif ittieħdu s-sound on tape fuq l-investiment fit-taqsima marittima tal-Protezzjoni Ċivili

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra PBS rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tat-12 ta’ Frar 2024 dwar il-mod ta’ kif ittieħdu s-sound on tape fuq l-investiment fit-taqsima marittima tal-Protezzjoni Ċivili.

 

Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.

Dr Michael Piccinino ta sfond tal-ilment kif imressaq u kompla li PBS ġab is-sound on tape tal-Ministru Byron Camilleri. Irrefera għal Art.2.1.1 tal-L.S.350.14 “ġrajja ġdida jew kif għadha kif seħħet” u qal li ma setax ikun li kien il-każ meta l-ġrajja tkun seħħet 4 snin qabel. Skont Dr Michael Piccinino, dak li qal il-Ministru Byron Camilleri huwa l-oppost ta’ li qed tgħid il-liġi għax huwa repetizzjoni ta’ xi ħaġa li ntqalet iktar minn 3 snin ilu.Minkejja li l-Gvern jista’ jiftaħar bl-investiment li għamel u ittieħed ukoll sound on tape tal-Prim Ministru, iżda s-sound on tape  tal-Ministru kienet dwar xi ħaġa li ma għandha x’taqsam xejn dwar l-istess tema.

Dr Mark Vassallo qal li qed issir fissazzjoni fuq sound on tape. Irrefera għas-servizz b’investiment ta’ nofs miljun u kkonferma li kien hemm sound on tape qasir tal-Prim Ministru u ieħor tal-Ministru dwar il-ftehim kollettiv. Tenna li hemm tentattiv ta’ micro management. Qal ukoll li L.S.350.14 huma linji gwida u ma hemm xejn “set in stone dwarhom”. Dan l-ilment ma kellux jitressaq għaliex huwa frivolu u vessatorju bħal uħud mill-ilmenti li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista dan l-aħħar. Il-Bord analizza l-ilment u kkonferma li l-filmat tal-Ministru Byron Camilleri kien dwar materja diskussa madwar 4 snin qabel, madankollu kien xorta waħda parti mill-ftehim kollettiv diskuss. Għall-fini ta’ preċiżjoni u attwalità, l-Bord ħass li għandu jilqa’ l-ilment kif ukoll li jidderieġi lix-xandar jaqra dan is-sunt:

 

Il-Bord qiegħed jilqa’ l-ilment tal-Partit Nazzjonalista nkwantu l-intervista mal-Ministru Byron Camilleri li xxandret fit-12 ta’ Frar 2024 waqt servizz dwar investiment fit-taqsima marittima tal-protezzjoni ċivili.

Dan minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni u attwalità peress li d-diskors tal-Ministru Byron Camilleri, dwar il-ftehim kollettiv tal-korpi dixxiplinati kien fuq ftehim iffirmat fl-2020”

 

 

 

5 ta’ Marzu 2024

Smigħ 02/2024 Numru 13

Ref: 16/24