TVM - Ahbarijiet - 15 ta' April 2021




Deċiżjoni dwar ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra PBS fir-rigward tal-ingawgurazzjoni tal-flyover tal-Marsa li xxandret fil-15 ta’ April 2021

 

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista dwar kif il-PBS ta coverage tal-inawgurazzjoni tal-proġett tal-flyovers fil-Marsa. Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li fl-aħbarijiet ixxandar servizz ta’ fuq l-istess proġett u wara xxandru siltiet mid-diskors tal-Prim Ministru fl-okkażjoni tal-istess inawgurazzjoni, liema inawgurazzjoni ixxandret b’mod dirett fuq TVM2. Il-Partit Nazzjonalista qal li ċ-ċerimonja ġiet ippreżentata minn wieħed mill-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS.  Barra dan, TVM tella’ servizz ieħor ta’ nofs siegħa l-għada tal-inawgurazzjoni bħala parti mill-programm TVAM.

 

F’seduta li saret fis-6 ta’ Mejju attendew virtwalment Dr Francis Zammit Dimech għall-Partit Nazzjonalista, is-Sinjura Norma Saliba il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS u Dr Ishmael Psaila li kien qed jirrapreżenta l-PBS.

 

Dr Zammit Dimech qal li filwaqt li jifhem li din l-inawgurazzjoni kellha tixxandar minħabba li kien proġett nazzjonali iżda qal li f’dan il-każ il-PBS intuża bħala strument ta’ propoganda. Qal li fix-xandira tal-inawgurazzjoni kien hemm numru ta’ slogans politiċi u propogandistiċi li kellhom in-narrativa politika tal-Gvern.  Qal ukoll li TVM xandar servizz dwar l-istess proġett fejn ixxandru ukoll siltiet mid-diskors tal-Prim Ministru.  Dr Zammit Dimech spjega li bil-mod kif ġiet trattata din l-inawgurazzjoni saret orkestrazzjoni u ripetizzjoni tal-messaġġ u ħadet il-forma ta’ kif issir propaganda.  Ilmenta wkoll rigward il-preżentatur li intgħażel għal din iċ-ċerimonja peress li huwa membru tal-Board tal-PBS.  Talab lill-Awtorità biex tara li l-obbligi tal-Kostituzzjoni u tal-Liġi tax-Xandir jiġu mħarsa fejn tidħol l-imparżjalità u r-rappreżentazzjoni tal-partiti. 

 

Għall-PBS, is-Sinjura Saliba qalet li mhuwiex ċar dwar x’hiex kien qed jilmenta l-Partit Nazzjonalsita.  Qalet li l-PBS ħass li kellu jxandar ix-xandira ta’ inawgurazzjoni minħabba li dan kien proġett ta’ interess nazzjonali.  Fakkret li ċerimonji bħal dawn kienu wkoll jiġu mxandra mill-PBS fis-snin li għaddew.  Qalet li ma kien hemm l-ebda reazzjoni uffiċjali mill-Partit Nazzjonalista dwar dan il-proġett u konsegwentament il-Partit Nazzjonalista ma setax ikollu coverage.  Il-konsulent legali tal-PBS, Dr Ishmael Psaila, qal li wieħed jistenna li kellu jkun hemm reazzjoni min-naħa tal-Partit Nazzjonalista biex il-PBS ikollu l-obbligu li jirrapurtaha.

 

Dr Zammit Dimech qal li r-rekwiżiti ta’ bilanċ qegħdin ukoll għal każijiet ta’ policy pubblika kurrenti u mhux biss ta’ kontroversja politika. Qal li l-Partit Nazzjonalista għandu dritt li jitkellem dwar il-proġett anke jekk jaqbel u l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu dritt li jwieġeb.

 

Wara li l-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet u rat id-dokumenti u l-filmati relatati mal-każ qablet li x-xandira tal-inawgurazzjoni tal-proġett tal-flyovers tal-Marsa kellha tiġi imxandra b’mod dirett fuq il-PBS minħabba li dan kien proġett ta’ natura nazzjonali u hekk kif sar fil-passat proġetti bħal dawn dejjem kienu jiġu imxandra b’mod dirett. L-Awtorità qablet ukoll li dan il-proġett kien ukoll jimmeritah li jiġi rrapurtat b’mod dettaljat fil-bulettin tal-aħarijiet tal-PBS u anke li jkun hemm persuni tekniċi biex jispjegaw il-proġett kien leġittimu li jsir. Madanakollu qablet li l-ilment tal-Partit Nazzjonalista jintlaqa in parti minħabba l-intervista li xxandret l-għada fil-programm TVAM kienet pjuttost estensiva u setgħet tat lok għal propoganda. Bħala rimedju, l-Awtorita talbet biex tinqara din is-sunt tad-deċiżjoni hekk kif ġej :-

 

F’seduta li inżammet fis-6 ta’ Mejju l-Awtorità, filwaqt li laqgħet in parti l-ilment tal-Partit Nazzjonalista, qablet li x-xandira tal-inawgurazzjoni tal-proġett tal-flyovers tal-Marsa kellha tiġi imxandra b’mod dirett mill-PBS minħabba li dan kien proġett kbir u ta’ natura nazzjonali.  Il-PBS għamel tajjeb ukoll li rraporta dan il-proġett u li rraporta informazzjoni teknika dwar il-proġett fil-bulettin tal-aħbarijiet minħabba li kienet informazzjoni li trattat proġett ta’ interess nazzjonali. Iżda l-intervista li saret fil-programm ta’ TVAM tas-16 ta’ April kienet pjuttost estensiva u setgħet tat lok għal propoganda.

 

 

 

14 ta’ Mejju 2021