TVM - Bondi+ - 1 ta' Novembru 2010




Ilment mill-Partit Laburista

Il-Partit Laburista ressaq ilment quddiem l-Awtorità tax-Xandir dwar l-edizzjoni tal-programm Bondi+ li xxandret fuq TVM fl-1 ta’ Novembru, 2010. Is-suġġett tal-programm kien id-diskors li kien għamel dakinhar stess il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti bħala tweġiba għad-diskors tal-Budget 2011.

L-ilment tal-Partit Laburista kien jinkludi diversi elementi fosthom li:

  • l-programm ma kienx żamm il-bilanċ kif meħtieġ skont il-liġi u dan anki għax ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-programm, l-Onorevoli Charles Mangion, “ma ngħatax l-istess ħin u opportunità li jwieġeb u jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni bil-konsegwenza li kien hemm żbilanċ ċar favur in-naħa tal-Gvern”
  • l-programm beda mingħajr ma kien għadu wasal il-kelliem tal-Oppożizzjoni u li, fl-assenza ta’ dan il-kelliem, il-preżentatur tal-programm “għażel li jagħmel sensiela ta’ mistoqsijiet li rrendew dan il-programm mill-aktar partiġjan u żbilanċjat”
  • rigward il-features li xxandru waqt dan il-programm, dawn “bl-ebda mod ma kienu maħsuba biex issir analiżi dwar id-diskors ta’ Joseph Muscat”.

L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat dan l-ilment taħt Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni. Oriġinarjament, dan l-ilment kellu jinstema’ waqt seduta tal-Awtorità skedata għas-16 ta’ Novembru 2010, iżda peress li r-rappreżentanti tal-istazzjon ma setgħux ikunu preżenti f’dik id-data, is-smiegħ tal-ilment ġie pospost u fil-fatt instema’ waqt is-seduta tal-1 ta’ Diċembru, 2010. Preżenti, għall-Partit Laburista, kien is-Sur Kurt Farrugia, Direttur tal-Komunikazzjoni, assistit mill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt li għal TVM kienu preżenti Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Public Broadcasting Services Ltd., u s-Sur Lou Bondi, preżentatur u producer tal-programm, li kienu assistiti mill-Avukat Therese Comodini Cachia.

Wara li semgħet il-partijiet konċernati u wara li rat il-filmat tal-programm in kwistjoni, l-Awtorità waslet għall-konklużjonijiet segwenti:

(i) Waqt li huwa minnu li l-programm beda jixxandar qabel ma laħaq wasal ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni (l-Onorevoli Mangion fil-fatt deher fl-istudio madwar għaxar minuti wara li kien beda l-programm), l-Awtorità deherilha li l-ġustifikazzjoni li pprovda l-istazzjon l-għala kellu jimxi b’dan il-mod kienet waħda valida. F’dan ir-rigward l-istazzjon spjega li l-programm kien beda madwar nofs siegħa wara li kienet spiċċat ix-xandira tal-konferenza stampa li kien ta l-Kap tal-Oppożizzjoni wara d-diskors tiegħu u li allura l-Onorevoli Mangion seta’ wasal fl-istudio fil-ħin. L-istazzjon sostna wkoll li kellu d-dmir li jirrispetta l-ħinijiet stabbiliti fl-iskeda tiegħu.

Barra minn hekk, l-Awtorità nnutat li l-edizzjoni in kwistjoni tal-programm Bondiplus kienet itwal mis-soltu (il-programm dam madwar siegħu u nofs) u kkonstatat li matul il-programm l-Onorevoli Mangion ingħata ħin adekwat sabiex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu, li kkompensa b’mod raġonevoli għall-assenza tiegħu waqt l-ewwel għaxar minuti tal-programm. L-Awtorità m’hijiex tal-opinjoni li fi programmi bħal dawn għandu jkun hemm l-obbligu li jinżamm xi bilanċ matematiku fil-ħin li jingħataw sabiex jitkellmu r-rappreżentanti tal-partiti politiċi.

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità kkonkludiet li dik il-parti tal-ilment tal-Partit Laburista li saħqet li l-Onorevoli Mangion ma kienx ingħata l-istess ħin u l-istess opportunità li kien ingħata il-kelliem tal-Gvern ma kinitx iġġustifikata.

(ii) Dwar il-features li ttellgħu mill-preżentatur waqt dan il-programm, għalkemm huwa minnu li, kif ilmenta l-Partit Laburista, dawn prattikament m’għamlu l-ebda referenza għad-diskors li kien għadu kif għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni (f’dan ir-rigward il-preżentatur tenna li ma kienx possibbli li jipprepara features dwar dan id-diskors meta l-programm kien qed jixxandar immedjatament wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien temm id-diskors tiegħu), l-Awtorità kkonstatat li min-naħa l-oħra, il-preżentatur kien ta kull opportunità u fil-fatt kien ħeġġeġ lill-mistiednin, inkluż lir-rappreżentanti tal-korpi kostitwiti, sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, kif fil-fatt għamlu.

(iii) Madanakollu, l-Awtorità għandha r-riservi tagħha dwar il-kontenut tal-features li ttellgħu waqt il-programm, b’mod partikolari dwar it-tabella li analizzat l-impatt finanzjarju u fiskali, skont il-kalkoli tal-preżentatur, ta’ miżuri li, fil-fehma tal-preżentatur, jew kienu ġew proposti mill-Partit Laburista jew kienu ttieħdu mill-Gvern iżda ġew ikkritikati mill-Partit Laburista u li allura l-preżentatur ikkonkluda li ma kinux jiġu implimentati li kieku l-Partit kien fil-Gvern. Għalkemm l-Awtorità temmen li ġurnalist għandu kull dritt li janalizza b’mod kritiku l-proposti li jagħmlu l-partiti politiċi, min-naħa l-oħra l-Awtorità tesiġi li dan għandu jsir b’sens ta’ ġustizzja u b’mod professjonali. Fl-opinjoni tal-Awtorità, l-analizi li għamel il-preżentatur f’dan il-każ partikolari ma ssodisfatx dawn il-ħtiġijiet.

Dwar il-miżuri u l-istimi li ssemmew fit-tabella in kwistjoni, il-Partit Laburista saħaq li, fil-maġġoranza tal-każi, dawn kienu bbażati fuq misinterpretazzjoni ta’ dak li attwalment kien stqarr il-Partit jew il-Kap tiegħu, waqt li l-preżentatur sostna li il-miżuri kollha li ssemmew kienu bbażati fuq stqarrijiet li kienu attwalment saru. L-Awtorità tħoss li la għandha u lanqas tista’ tagħmilha ta’ arbitru sabiex tistabbilixxi min għandu raġun, għalkemm irid jingħad li l-Awtorità ma tistax tifhem, rigward il-kalkoli li għamel il-preżentatur dwar iż-żieda fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, kif il-preżentatur assuma u baqa’ jinsisti li l-Partit Laburista kien qed jipproponi li dawn it-tariffi għandhom jerġgħu jinżlu għal-livelli li kienu qabel ma dawn bdew jiżdiedu, meta kien jaf ben tajjeb x’inhuma l-proposti li qed jagħmel il-Partit Laburista f’dan ir-rigward u f’dan l-istadju.

Barra minn hekk, l-Awtorità hija tal-opinjoni li l-mod kif il-preżentatur ikkalkula l-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq id-deficit fiskali tal-pajjiż, u ċjoé billi ġibed totali għad-dritt ta’ dak li fl-opinjoni tiegħu kienet l-ispiża tal-miżuri msemmija fit-tabella in kwistjoni, kien nieqes mill-professjonalità meħtieġa. Anki ż-żewġ ekonomisti li stieden il-preżentatur f’edizzjoni sussegwenti tal-programm li ttrattat dan is-suġġett spjegaw li l-kalkoli tad-deficit ma jsirux b’dan il-mod.

Għalhekk, f’dan ir-rigward partikolari u ċjoé rigward l-analiżi li għamel il-preżentatur fit-tabella in kwistjoni, l-Awtorità jidhrilha li l-ilment tal-Partit Laburista dwar trattament inġust huwa ġġustifikat.

L-Awtorità qed tordna lill-TVM, permezz ta’ direttiva maħruġa taħt Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir, sabiex taqra sintesi ta’ din id-deċiżjoni, kif mħejjija mill-istess Awtorità, waqt il-bullettin prinċipali tal-aħbarijiet tal-istazzjon mhux aktar tard minn sebat ijiem minn meta tiġi kkomunikata din id-deċiżjoni.

6 ta’ Diċembru 2010