TVM - Bondi+ 30 t'Ottubru 2012




Deċiżjoni dwar l-Ilment mis-Sur Joe Grima rigward il-programm Bond+ tat-30 t’Ottubru 2012

L-Awtorità kellha quddiemha ilment u talba għal dritt ta’ risposta mis-Sur Joe Grima  dwar  il-programm Bond+ li xxandar fit-30 t’Ottubru, 2012 fuq TVM2.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Joe Grima, lil Dr Natalino Fenech f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Lou Bondi bħala produttur u preżentatur f’seduta li nżammet fl-20 ta’ Novembru, 2012.

Minn naħa tiegħu s-Sur Grima ikkontenda li d-deċiżjonijiet editorjali fil-programmi tiegħu dejjem ittieħdu minnu u dejjem kienu responsabbiltà tiegħu.  Żied li fl-imsemmi programm is-Sur Bondi għamel allegazzjoni, għaddha kummenti u wera clip biex skont hu juri li fil-programm Inkontri li fih kien mistieden fost oħrajn is-Sur Anton Attard (CEO tal-PBS Ltd.) kien intefa l-mikrofonu tas-Sur Attard.   Is-Sur Grima qal li din kienet gidba u għajr għal okkażjoni waħda, meta kien neċessarju li jsir dan, fil-programmi tiegħu il-mikrofonu qatt ma tbaxxa jew intefa’.

Is-Sur Grima qal li min kellu l-privileġġ li jindirizza ħafna nies f’daqqa pemezz tal-mezzi tax-xandir kellu jkun responsabbli u juża dan il-privileġġ sew.  Żied li in vista ta’ dan kien qed jitlob lill-Awtorità tiddeċiedi jekk l-ilment tiegħu kienx ġustifikat u jekk dan jirriżulta tara li jingħata d-dritt ta’ risposta hekk kif mitlub.

Minn naħa tiegħu Dr Natalino Fenech qal li l-e-mail b’talba għal dritt ta’ risposta li kien bagħat is-Sur Grima lis-Sur Anton Attard kienet waslet għandu tard minħabba li din kienet daħlet fis-sistema tas-Sur Attard bħala spam u dan ma kienx induna biha qabel.  Żied li hekk kif waslet għandu t-talba sar xi editjar tar-risposta sottomessa mis-Sur Grima wara konsultazzjoni mal-Avukati tal-PBS Ltd., biex din tkun tirrifletti d-dritt ta’ risposta, liema verżjoni ingħatat lis-Sur Bondi biex tinqara. 

Dr Fenech qal li wara li kien ra l-edizzjoni tal-programm tas-6 ta’ Novembru, 2012  kien tal-fehma li l-imsemmi dritt għal risposta ma kienx inqara skont il-parametri imposti mil-liġi u għaldaqstant talab lis-Sur Bondi jerġa’ jaqraha fl-edizzjoni tal-programm tal-15 ta’ Novembru 2012.

Minn naħa tiegħu is-Sur Lou Bondi qal li fl-edizzjoni tas-6 ta’ Novembru minbarra li qara d-dritt ta’ risposta kif propost mill-avukati tal-PBS Ltd. huwa kien ta l-isfond tal-każ għall-benefiċċju tat-telespettaturi.  Żied li hekk kif inġibditlu l-attenzjoni mill-istazzjon dan reġa’ xandarha u dan waqt il-programm tal-15 ta’ Novembru, 2012. 

Is-Sur Bondi qal li kemm ilu jxandar ma jafx li kien hemm xi okkazzjoni li dritt għal risposta ngħata darbtejn.  Żied li in oltre waqt il-programm huwa stqarr li kien uża kelma żbaljata u li fuq kollox jekk kien tbaxxa l-livell tal-mikrofonu dan setgħa kien kawża ta’ problema teknika.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat ir-rapport tad-Dipartiment tal-Monitoraġġ li kkonferma li kien hemm it-tieni attentat biex tingħata d-dritt ta’ risposta.  L-Awtorità reġgħet rat ukoll is-silta relevanti mill-edizzjoni ta’ Bondi+ tal-15 ta’ Novembru 2012, u ddeċidiet li d-dritt ta’ risposta kien ingħata fit-tieni edizzjoni tal-programm cioè wara li kien sar l-ilment,  u għalhekk ma kien hemm ebda rimedju ulterjuri li kellu jingħata.  Madanakollu  iddiriġiet li l-istazzjon kellu jkun infurmat li fil-futur fil-każ ta’ dritt ta’ risposta dan kellu l-obbligu li jara li;

(i) id-dritt ta’ risposta jingħata b’mod formali, ikun distint u identifikabbli bħala tali, 
(ii) isegwi d-dispożizzjonijiet relattivi kollha tal-liġi.   

29 ta’ Novembru, 2012