TVM - Bond+ 30 t'Ottubru 2012




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Laburista rigward il-programm Bondiplus tat-30 t’Ottubru, 2012

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista kontra l-PBS Ltd rigward il-programm Bond+ tat-30 t’Ottubru 2012.

L-Awtorità semgħet lil Dr Stefan Żrinzo Azzopardi li kien akkumpanjat minn Dr Aaron Mifsud Bonnici u s-Sur Kurt Farrugia f’isem il-Partit Laburista u lil Dr Mark Vassallo, u Dr Natalino Fenech f’isem l-istazzjon u s-Sur Lou Bondi li deher għall-produzzjoni.

Dr Zrinzo Azzopardi issottometta li dan l-ilment kien jirrigwarda l-edizzjoni tal-programm Bond+ tat-30 t’Ottubru u dik sussegwenti tat-13 ta’ Novembru 2012.  Żied li fl-ewwel programm, li kien jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Onorevoli Helena Dalli, il-produzzjoni kienet xandret aħbar minn Net News li kienet titratta kummenti li kienet għamlet l-Onorevoli Dalli dwar proposta tal-Partit Laburista li kienet tirreferi għal audit ta’ ħaddiema u redeployment, liema kummenti dak iż-żmien kienu ukoll jifformaw parti minn kampanja tal-Partit Nazzjonalista permezz tal-billboards u għalhekk għall-Partit Laburista din l-item kienet tikkostitwixxi spot politiku.  Żied li fl-istess programm u fuq l-istess tema kienu xxandru wkoll siltiet minn kummenti li kienu saru mill-Onorevoli Gino Cauchi li kienu ttieħdu out of context u mill-Onorevoli Silvio Parnis li ingħatat l-impressjoni li kienu riċenti meta kienu jirrefera għal diskors li kien sar madwar sena qabel.

Dr Zrinzo Azzopardi qal wara li l-Partit kien ġibed l-attenzjoni tal-istazzjon dwar dan, l-istazzjon kien stieden lill-Partit jieħu sehem fi programm sussegwenti (13/11/2012) li proprju kien intiż li jagħti rimedju u opportunità lill-istess partit iwieġeb u jippreżenta l-każ tiegħu.  Żied li f’dan il-programm kienu ħadu sehem is-Sur Kurt Farrugia u Dr Francis Zammit Dimech.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li fl-istess programm l-istazzjon mhux talli ma rrimedjax in-nuqqas iżda talli reġa xandar l-item ta’ Net News li skont hu kienet meqjusa bħala spot politiku u kienet qed tirrifletti u tkompli tirrinforza l-messaġġ politiku tal-Partit Nazzjonalista.  Żied li dan l-aġir minn naħa tal-istazzjon kien jikkostitwixxi żbilanċ u għaldaqstant il-Partit Laburista kien qed jitlob li l-Awtorità tiddeplora u tiddikkjara li dan kien nuqqas serju mill-istazzjon.

Dr Mark Vassallo li kien qed jidher għan-nom u fl-interess tal-istazzjon qal li bħala sottomissjoni preliminari dan l-ilment kien frivolu u dan għall-fatt li dak li kien ġara fil-programm tat-30 t’Ottubru 2012, (ix-xandir tal-item ta’ Net) u li dwaru kien ilmenta l-Partit Laburista, kien ġie riżolt u rimedjat permezz tat-tieni programm meta s-Sur Kurt Farrugia kien ġie mistieden u kien ingħata l-opportunita’ iwieġeb u jagħmel il-każ tal-Partit Laburista. 

Dr Vassallo, filwaqt li ssottometta recording tal-aħbar ta’ Net News li kienet ixxandret fit-tieni programm, ikkontenda li meta wieħed janalizza din is-silta jintebaħ li ma kienitx l-istess waħda li xxandret fl-ewwel programm u li kien sar editing u għalhekk l-ilment tal-Partit Laburista li l-istazzjon kien irrepeta l-aħbar fl-intier tagħha ma kienitx tissussisti.

Dr Vassallo qal li x-xandir tan-news item f’verżjoni editjata, fit-tieni programm kien neċessarju għall-benefiċċju tat-telespettaturi u sabiex ir-rappreżentant tal-Partit Laburista ikun jista’ jwieġeb u għaldaqstant, fiċ-ċirkostanzi, ma kienx hemm lok ta’ żbilanċ. Barra minn hekk fil-programm ġew imxandra spots oħra li kienu xxandru fl-ewwel programm u li dwarhom kien ilmenta l-Partit Laburista u dan biex it-telespettatur ikun jaf għal x’hiex qed irrispondi l-Partit Laburista.  Fuq dawn l-ispots il-PL ma kienx qed joġġezzjona.   Żied li fiż-żewġ programmi kien hemm rappreżentanti tal-Partit Laburista li setgħu iwieġbu u jirrejaġixxu għall-kontenut tan-news item u għalhekk ma kienx iħoss li dan l-ilment kien ġustifikat.

Is-Sur Lou Bondi filwaqt li ċċita il-ħinijiet tal-interventi tal-mistiedna fiż-żewġ programmi qal li minn dan kien jidher li r-rappreżentanti tal-Partit Laburista kellhom ħin biżżejjed biex iwieġbu għall-kontenut tan-news item.  Żied li għat-tieni programm l-imsemmija news item kienet ġiet editjata u mhux imxandra fl-intier tagħha u għalhekk l-ilment tal-Partit ma’ kienx ġustifikat. 

Is-Sur Bondi qal li ma kienx minnu li x-xandir ta’ silta minn news item ta’ stazzjon ieħor kien jikkostitwixxi preċedent u dan għaliex fil-passat kien hemm okkazzjoni fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, meta kien mistieden f’edizzjoni oħra tal-istess programm, kien mitlub jirrejaġixxi għall-news item li kienet ixxandret fuq One.

Dr Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-fatt li l-istazzjon ħass li kellu jeditja n-news item ikompli tirrijafferma li l-parti li fil-fatt ixxandret kienet spot politiku.  Żied li f’deċiżjonijiet preċedenti l-Awtorita’ kienet diġa kkostatat li l-użu ta’ viżwal setgħa jikkostitwixxi żbilanċ.  
 
L-Awtorita’ ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ħadet konsiderazzjoni tal-punti kollha rilevati mill-membri wara li kienu raw il-viżwal relattiv, u nnutat li:

  1. oriġinarjament l-ilment tal-Partit Laburista kien jirrigwarda l-edizzjoni tal-programm li xxandret fit-30 t’Ottubru, 2012 u kien aktar tard li dan għażel li jinkorpora fl-istess ilment dak li seħħ fl-edizzjoni tal-programm li xxandret fil-15 ta’ Novembru, 2012,
  2. l-istazzjon kien xandar edizzjoni addizzjonali tal-programm, bil-parteċipazzjoni fl-istudjo tad-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit, li kienet intiża in parti biex tipprovdi rimedju għall-ilmenti tal-istess partit, u għalkemm ir-rappreżentant tal-Partit Laburista kien attenda għall-programm in kwistjoni bla preġudizzju għall-azzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorita’, f’dan il-programm kien ingħata l-fakulta u l-possibilta’ li jwieġeb.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorita’ iddeċidiet li l-ilment tal-Partit Laburista ma’ kienx jissussiti u ma kienx ġustifikat.

4 ta’ Jannar, 2013