TVM - EkoDjar - 25 ta' April 2021




Deċiżjoni fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward il-programm EkoDjar li xxandar fil-25 ta’ April 2021

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża kontra PBS Ltd rigward il-programm EkoDjar li xxandar fil-25 ta’ April fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K (a) tal-Att dwar ix-Xandir. 

 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv li ressqet l-akkuża u lis-Sinjura Norma Saliba, Chyrsander Agius u Dr Ismhael Psaila in rappreżentanza tal-PBS li ngħaqdu għas-smigħ b’mod virtwali f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Ġunju.

 

L-akkuża li tressqet mill-Kap Eżekuttiv kienet tirrigwardja intervista li saret fil-programm Eko- Djar tal-25 ta’ April li fiha ngħatat informazzjoni dwar aspetti relatati mal-ippjanar fl-installazzjoni tal-ilma fid-djar. Fis-sensiela ta’ reklami li xxandret wara din ir-rokna, deher reklam ta’ kumpanija dwar ippjanar fl-installazzjoni tal-ilma fid-djar u deher ukoll l-istess persuna li kienet qed tagħti informazzjoni waqt ir-rokna. Dan ħoloq assoċjazzjoni bejn ir-rokna informattiva u r-reklamar u għaldaqstant l-akkuża kienet dwar ksur ta’ Artiklu 16K (a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba reklamar b’ħabi.

 

Min-naħa tal-PBS, is-Sur Chyrsander Agius ammetta li dak li ntqal fl-akkuża kien minnu iżda meta kienu qed jipproduċu l-programm ma kinux konsapevoli li l-persuna li kienet qed tiġi intervistata waqt ir-rokna informattiva kienet qed tidher fir-reklam. Qal li wara li ħarġet l-akkuża fil-fatt irranġaw il-kontenut immedjatament.

 

L-Awtorità rat is-sottomissjonijiet u l-filmati marbuta mal-każ u qablet li l-akkuża ġiet ippruvata u l-istazzjon instab ħati, iżda minħabba li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ dan il-ksur f’dan il-programm, qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.

 

15 ta’ Ġunju 2021