TVM - News




Deċiżjoni rigward ilment minn Prof Arnold Cassola kontra PBS Ltd minħabba nuqqas ta’ coverage ta’ stqarrijiet mibgħuta lill-Kummissarju tal-Istandards

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq minn Prof Arnold Cassola dwar nuqqas ta’ coverage ta’ stqarrijiet dwar il-Kummissarju tal-Istandards fil-bulettini tal-aħbarijiet ta’ TVM.

Fis-seduta kienu preżenti virtwalment il-lanjant, il-Prof Arnold Cassola u għall-PBS dehru virtwalment is-Sinjura Norma Saliba, Kap tal-Aħbarijiet u Dr Ishmael Psaila in rappreżentanza tal-PBS.

Dr Arnold Cassola beda bis-sottomissjonijiet tiegħu billi talab li jagħmel premessa fil-kuntest tal-ilment tiegħu u qal li fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew li saret fl-2019 huwa kien ġab 2,200 vot fl-ewwel count u kien rappreżentant ta’ dawk il-votanti. Qal li minkejja li bagħat numru kbir ta’ stqarrijiet lis-Sinjura Saliba bħala editur tal-PBS, ebda stqarrija ma ġiet irrapurtata. Prof Cassola qal li huwa diffiċli biex wieħed jargumenta li l-istqarrijiet tiegħu kollha m’għandhom l-ebda valur ta’ aħbar aktar u aktar meta wieħed iqis li uħud mill-istqarrijiet tiegħu ġew irrapurtati fuq il-mezzi oħra tal-istampa.

Prof Cassola argumenta li fl-isfond ta’ nuqqas ta’ rapurtaġġ tal-istqarrijiet tiegħu, l-PBS sab spazju li jirraporta l-facebook post tas-Sur Jason Micallef li qal li ilmenta mal-Kummissarju tal-Istandards rigward Dr Jason Azzopardi. Prof Cassola saħaq li din hija diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu.

Għall-PBS, is-Sinjura Norma Saliba, l-editur tal-aħbarijiet qalet li  fl-ilment tiegħu Prof Cassola qatt ma semma għal-liema stqarrijiet kien qed jirreferi. Qalet li dawk li kienet irċeviet minn Prof Cassola ma kinux ċari jekk humiex opinjonijiet jew sempliċiment kummenti u ma kellhomx struttura ta’ stqarrija għall-istampa. Qalet li jekk ikun hemm stqarrijiet għall-istampa fil-futur dawn jiġu kkonsidrati skond il-valur ta’ aħbar.

Wara li saru s-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, l-Awtorità ikkunsidrat dak li intqal.  L-Awtorità rrelevat il-fatt li kien hemm stqarrijiet ta’ Prof Cassola li dawn ġew irrapurtati minn mezzi oħra tal-istampa u tagħraf  li l-PBS ma rrapurtax dawn l-istqarrijiet fl-aħbarijiet ta’ TVM. L-Awtorità tagħraf ukoll li l-valur ta’ aħbar hija fid-diskrezzjoni tal-istazzjon jew tal-editur iżda tħoss li għandha tesprimi ruħha li kien hemm wisq stqarrijiet tal-Prof Cassola li ma ġewx irrapurtati.

L-Awtorità iżda fehmet li l-PBS ikkommetta ruħu li dment li l-istqarrijiet tal-Prof Cassola jkollhom valur ta’ aħbar dawn jiġu rrapurtati mill-PBS.  Fid-dawl ta’ dan l-Awtorità tħoss li l-ilment ta’ Prof Cassola m’għandux jintlaqa’ fl-intier tiegħu iżda għandha tagħti twissija lill-PBS u tinsisti li stqarrijiet li jinħarġu fil-futur minn Prof Cassola u li jkollhom valur ta’ aħbar għandhom jiġu inklużi fl-aħbarijiet tal-PBS.

 

Illum 26 t’April, 2021