TVM - News - 29 ta' Mejju 2020




Deċiżjoni  dwar ilment tal-Partit Imperium Europa fir-rigward ta’ nuqqas ta’ rapurtaġġ ta’ konferenza stampa u stqarrija għall-istampa fl-Aħbarijiet ta’ TVM ta’ nhar il-Ħamis 16 ta’ April u sussegwentament tad-29 ta’ Mejju u l-esklużjoni tal-Partit Imperium Europa mill-programmi ta ġrajjiet kurrenti

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Imperium Europa kontra PBS Ltd rigward in-nuqqas ta’ coverage ta’ konferenza stampa u stqarrija tal-istampa tas-16 ta’ April u sussegwentament 29 ta’ Mejju 2020, kif ukoll l-esklużjoni tal-veduti tal-Partit Imperium Europa fil-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti.

Għall-Imperium Europa deher l-Avukat Adriano Spiteri li kien akkumpanjat mit-teżorier tal-istess partit is-Sur Charles Sammut.  Waqt is-smigħ attendew Fr David Muscat u s-Sa. Winnie Sammut Grech.

L-Avukat Spiteri spjega li l-każi li qed jiġu trattati f’dan l-ilment huma kazi ta’ eskluzjoni assoluta tal-Partit Imperium minn fuq ix-xandir pubbliku, l-istazzjon PBS. Spjega li meta l-Partit bagħat press release u segwa b’telefonata mal-editur, u dan sar wara li kien diġa imwissi mill-istess Awtorità, f’deċiżjoni oħra li tat wara ilment ieħor, li ghandu jkun pro attiv, l-istazzjon xorta waħda għażel li ma jinkludi xejn mill-veduti tal-Partit Imperium Europa fl-ebda okkazjoni.  L-Avukat Spiteri qal li bħala Partit jippretendu li meta jibagħtu press release tigi koperta b’mod tajjeb u ġust. Sostna li l-ewwel stqarrija għall-istampa ma ġietx  irrapurtata.  Qal li fit-tieni istanza l-Partit Imperium Europa bagħat mhux biss konferenza tal-aħbarijiet irrekordjata imma bagħat ukoll stqarrija għall-istampa u għal darba oħra reġa’ ma ġie rrapurtat xejn. L-Avukat Adriano Spiteri osserva li dan l-atteġjament min-naħa tal-PBS bħala l-istazzjon pubbliku fil-konfront tal-Imperium Europa qed iwassal il-messaġġ li f’Malta dan il-Partit ma jeżistix u għalhekk qed ikun hemm ksur gravi tad-drittijiet tal-Partit kif ukoll tal-Liġi tax-Xandir.

Dr Adriano Spiteri qal li l-Partit Imperium Europa minn moniteraġġ li għamlu li sab li l-Partit Imperium Europa qed jiġi eskluż minkejja li dak li qed jitkellem fuqu jkollu news value għaliex lanqas qatt ma ġie mistieden biex jgħaddi l-veduti tiegħu fuq temi attwali. L-Avukat Adriano Spiteri flimkien mal-ilment hemeż dokument li jissostanzja dan u saħaq li minħabba dan l-atteġġjament qed jinħoloq kwistjoni ta’ due diligence għaliex dawn il-programmi kollha trattaw temi  fejn faċilment setgħu ġew mistiedna rappreżentanti tal-Partit. L-Avukat Spiteri qal li minn din ir-riċerka jidher li hemm kumplott mill-PBS biex jaqta’ barra l-Partit Imperium Europa.

Is-Sur Reno Buġeja qal li huwa fatt żbaljat illi Imperium Europa ġie eskluż għaliex skont is-Sur Buġeja il-Partit Imperium Europa ġie rrapurtat f’manifestazzjoni pubblici. Ċaħad li ma jkunx hemm due diligence u qal li d-due diligence isir minnu bħala editur tal-aħbarijiet. Irrefera għal din il-press conference indikata fl-ilment, u qal li dik kienet video blog u ma kien hemm l-ebda referenza għaż-żjara tal-Prim Ministru fil-Libja u kien hemm punti li ma ġewx trattati fl-aħbarijiet ta’ TVM. Qal li dan il-video blog isemmi l-konkluzjoni tal-inkjesta li saret fl-armata u l-qtil ta’ Lissane. Is-Sur Buġeja qal li d-diskors tal-blog huma rassenja ta’ fatti storici imma ma jikkwalifikax għall-valur ta’ aħbar. Is-Sur Buġeja ġibed l-attenzjoni li l-Kap tal-Imperium Europa gie mistieden f’Xarabank u ma marx u saħansitra kien mistieden ukoll Fr David Muscat f’xi edizzjonijiet ta’ Xarabank.

L-Avukat Adriano Spiteri wieġeb li Fr David Muscat mhuwiex membru fil-Partit Imperium Europa, u ma jregix bħala argument. Fir-rigward ta’ Lisanne Cisse, l-Avukat Adriano Spiteri staqsa kif ta’ Lissane Cisse mhijiex ta’ news value meta kien hemm news items li trattaw dan il-każ u tkellmu wkoll dwar l-immigrazzjoni. Qal li filwaqt li jifhem li l-editur għandu editorial judgement u dan ukoll huwa imsemmi fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 qal li l-editorial judgement ma jfissirx li teskludi partit kompletament għaliex dan l-atteġjament imur oltre minn editorial judgement.

L-Avukat Adriano Spiteri wieġeb ukoll dwar il-format tal-konferenza tal-aħbarijiet u qal li din sar f’perjodu ta’ pandemija fejn il-Partit Imperium Europa ħaseb li minflok jistieden lin-nies f’post magħluq jagħmel din ix-xandira u jibgħatha lill-media.  Qal li ma’ din il-konferenza tal-aħbarijiet intbagħtet stqarrija għall-istampa li lanqas l-essenza tagħha ma ġiet irrapurtata.  L-Avukat Spiteri wieġeb ukoll lis-Sur Reno Buġeja u kkummenta li l-PBS jikser ir-regoli li joħloq hu stess u qal li filwaqt li s-Sur Buġeja qal li ma jkoprix kummenti fuq il-facebook, l-Avukat Spiteri wera tliet rapporti li fihom għamel storja minn kummenti li jkunu dehru fuq il-facebook jew minn xi post fosthom ta’ tfajla li tkellmet dwar il-każ ta Lissane Cissa u r-rażżiżmu.

L-Avukat Adriano Spiteri irrimarka wkoll li mill-aħħar elezzjoni ‘l hawn ma ġewx mistiedna u la fuq Xarabank u lanqas fi programmi oħra. Is-Sur Buġeja qal li ma jiftakarx dan id-dettal, meta kienet l-aħħar li ġie mistieden il-Kap tal-Partit Imperium Europa.

L-Avukat Adriano Spiteri qal li matul il-kampanja elettorali l-Partit Imperium Europa dehru quddiem l-Awtorità u l-Awtorità fid-deciżjoni tagħha kienet talbet lill-istazzjon kien aktar proattiv u staqsa x’jista’ jkun li wieħed ikun aktar proattiv billi jirraporta l-essenza ta’ stqarrija għall-istampa.

L-Avukat Adriano Spiteri qal li fil-konferenza tal-aħbarijiet u l-istqarrija għall-istampa tad-29 ta’ Mejju l-Partit Imperium Europa tkellmu fuq Lassance Cisse u ħadu pożizzjoni wkoll dwar l-pożizzjoni li ħa l-Partit Nazzjonalista fuq l-immigrazzjoni. Qal li dawn kienu temi attwali u ta’ news value għaliex anke l-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jitkellem u jiġi rrapurtat dwarhom u saħansitra anke l-Prim Ministru kien qed isemmihom.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni u r-rapporti inkwistjoni, l-Awtoritá ikkonstatat is-segwenti u ċioe;

  1. Li kemm il-press conference tad-29 ta’ Mejju u l-istqarrijiet għall-istampa tas-16 ta’ April u 29 ta’ Mejju  indikati fl-ilment li ma ġewx irrapurtati fl-aħbarijiet tal-PBS u lanqas partijiet minnhom.
  2. L-Awtorità rat ukoll li fl-ebda programm ta’ ġrajjiet kurrenti f’ dawn l-ahhar tnax il-xahar, il-veduti tal-Partit Imperium Europa ma ġew esposti u lanqas ma kien mistieden xi rappreżentant tal-Partit f’dawn il-programmi.

Għaldaqstant fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità taqbel li kien hemm lok għal dan l-ilment u li l-ilment jissusistsi. 

Fid-dawl li din il-konferenza tal-aħbarijiet tad-29 ta’ Mejju li trattat l-veduta ta’ partit politiku dwar avvenimenti li ġraw riċenti, u ġiet eskluża, il-PBS għadu fil-ħin li jirrimedja. Filwaqt li l-Awtorità dejjem tirrikonoxxi d-dritt ta’ diskrezzjoni editorjali lill-editur, u filwaqt li l-Awtorità tirrikonixxi d-dritt tal-editur li jżomm fl-ambitu ta’ dak li jqis li hu kurrenti; il-fatt waħdu li fuq medda ta’ żmien dan il-Partit ma ingħatax rapurtaġġ tal-veduti tiegħu fih innifsu jimmerita li l-ilment jigi milqugħ. Barra minn hekk, il-fatt li l-Partit Imperium Europa kien sistematikament eskluż mill-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti jkompli jagħti lok biex dan l-ilment jiġi milqugħ.

Għaldaqstant l-Awtorità qed tilqa’ dan l-ilment limitatament kif ġej :

  1. li jkun hemm rapurtaġġ ta’ sunt mill-istqarrija tad-29 ta’ Mejju u tiġi inkluża fil-bulettin tal-aħbarijiet 
  2. li minn żmien għal żmien il-PBS għandu jagħti spazju lill-Partit Imperium Europa billi jkun wieħed mill-parteċipanti f’xi programm ta’ ġrajjiet kurrenti u jiddiskuti dwar temi attwali u nazzjonali

 

22 ta’ Ġunju 2020