TVM - Nuqqas ta' Rappurtaġġ - 20 ta' Lulju 2023




Deċiżjoni dwar l-ilment tal-Partit Nazzjonalista (“PN”) kontra PBS dwar in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-istqarrija tal-Kamra tal-Avukati


L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq minn Dr Michael Piccinino fis-26 ta’ Lulju 2023 kontra PBS Ltd minħabba l-fatt li TVM News ma xandarx l-istqarrija tal-Kamra tal-Avukati nhar l-20 ta’ Lulju 2023 .


L-Awtorità stiednet lill-partijiet għal smigħ nhar id-9 ta’ Awwissu 2023. Għal PN dehru Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech filwaqt li għal PBS dehru Dr Mark Vassallo u l-Inġ. Charles Dalli.


Dr Mark Vassallo qal li ntbagħtet ittra bħala risposta lil Dr Piccinino permezz ta’ email jispjega li l-kommunikazzjoni oriġinali kienet marret fi spam folder tan-newsroom. Spjega wkoll li hu stess ċempel lill-Kamra tal-Avukati u tkellem ma’ Dr Mifsud Bonnici sabiex jinforma lill-Kamra dwar x’kien ġara. Hu preżenta kopja tal-email bħala prova. Kompla li l-emails intbagħtu Bcc lil lista twila u probabbli kien għalhekk li marru spam iżda qal li kieku PBS irċieva dan minnufih, kien jittratta l-kontenut. Temm l-intervent billi qal li min jieħu ħsieb l-online kien iċċekja spam folder u nfatti l-istqarrija ħarġet online iżda min jieħu ħsieb l-aħbarijiet ma ċċekjax. Dr Mark Vassallo saħaq li l-materjal online u x-xandir ma humiex relatati.


Fit-tweġiba tiegħu Dr Michael Piccinino wieġeb li dakinhar inħarġu tliet stqarrijiet, tnejn minnhom relevanti għad-diskussjoni. Waħda fejn il-Kamra tal-Avukati tkellmet fuq l-attakk fuq l-avukat ġenerali u l-oħra fuq il-kummenti ta’ Dr Robert Abela fuq indirizz lin-Nazzjon. Qal li PBS tratta l-ewwel tema u mhux it-tieni. Kompla jgħid li filwaqt li online ttellgħet l-ewwel tema, it-tieni waħda ma ttellgħetx.


Mistoqsi jekk kienx kuntent bir-risposta ta’ PBS Ltd Dr Michael Piccinino wieġeb fil-pożittiv peress li meta PBS intebaħ dwar dan, xandar it-tliet stqarrijiet f’servizz wieħed.


Dr Francis Zammit Dimech qal li fl-ittra tal-PN kien hemm li jinħarġu struzzjonijiet ċari jew linji gwida u tenna li kull telespettatur għandu d-dritt li jesiġi li jingħata informazzjoni li ma kienx ingħata. Għal dan Dr Mark Vassallo kkonferma li l-PBS nieda Standard Operating Procedures (“SOPs”) sabiex jiżgura li emails mibgħuta lill-istazzjon nazzjonali ma jkunux injorati sempliċiment għax ikunu rċevuti fl-ispam folder.


L-Awtorità ikkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-partijiet kif ukoll il-fatt li l-partit attur kien sodisfatt bir-risposta tax-xandar. Għaldaqstant ma hix f’pożizzjoni li tintervjeni u tinnota l-garanziji proċedurali ta’ PBS Ltd inkwantu l-fatt li emails li jkunu rċevuti fl-ispam folder se jkunu qed jiġu ċċekjati u li allura ma hemmx lok ta’ problemi simili fil-futur.


16 ta’ Awwissu 2023
Smigħ 11/2023 Numru 4
Ref: 78/2023