TVM - Rappurtaġġ protesta bdiewa - 2 ta' Frar 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) vs Public Broadcasting Services (“PBS”) rigward rappurtaġġ dwar il-protesta tal-bdiewa tat-2 ta’ Frar 2024

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-PN kontra PBS rigward rappurtaġġ dwar il-protesta tal-bdiewa tat-2 ta’ Frar 2024.

 

Matul is-smigħ tat-22 ta’ Frar 2024, dehru Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Francis Zammit Dimech. Għall-PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli bħala editor-in-chief, assistit mill-Avukat Mark Vassallo.

 

Dr Michael Piccinino esprima li l-attitudni ġenerali tal-PBS fuq sound on tape għandu relevanza u qal li fl-ewwel protesta mill-bdiewa tat-2 ta’ Frar 2024, ix-xandira tal-PBS kellha tinkludi sound on tape mill-istess bdiewa u mhux ta’ entità oħra. Minflok, il-PBS għoġobha ma ġġib ebda sound on tape tagħhom iżda kummenti li għadda l-PM. Dan meta skont hu, l-protesta ma kellhiex konnessjoni mal-Gvern u anqas mal-Partit Laburista (“PL”). Kompla li s-sound on tape tal-Gvern inġieb filwaqt li l-kummenti tal-oppożizzjoni nġiebu f’servizz separat.

 

Dr Michael Piccinino qal li PBS għandu l-iżjed udjenza f’ Malta u li f’madwar 40 sena kienet l-ewwel darba li niżlu l-bdiewa jipprotestaw. Qal ukoll li mat-tieni protesta, l-PBS ma rrepetiex l-istess żball u ttieħdu l-kummenti tal-bdiewa u tal-oppożizzjoni.

 

Dr Francis Zammit Dimech rrefera għal stazzjonijiet oħra madwar l-Ewropa u qal li ebda wieħed minnhom ma ntervista l-Prim Ministru tal-pajiż minflok il-bdiewa.

 

Dr Mark Vassallo wieġeb li r-rappurtaġġ kien viżiv għall-aħħar, fejn anke dehru l-bdiewa jipprotestaw. Qal li b’differenza għal pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja, l-Gvern ta’ Malta ta raġun lill-bdiewa. Irrefera wkoll għall-15 ta’ Frar 2024 meta s-sound on tape tal-PM u tal-Kap tal-Oppożizzjoni ttieħdu wara xulxin. Dr Mark Vassallo rrimarka li hija ta’ valur li l-PM joħroġ jipprotesta mal-bdiewa. Qal li fit-tieni protesta l-Kap tal-Oppożizzjoni kien hemm u allura ttieħed sound on tape tiegħu ukoll. Kompla li fl-ewwel protesta l-PN qed jilmenta li ma ġewx intervistati l-bdiewa u li naqsu milli josservaw li l-bdiewa ingħataw iċ-ċans jesprimu ruħhom matul programmi ta’ diskussjoni : Xtra tat-12 ta’ Frar, Popolin tal-21 ta’ Frar, Insights tal-15 ta’ Frar u Vi jew Va tat-3 ta’ Frar u tas-17 ta’ Frar 2024.

 

Dr Francis Zammit Dimech irribatta li l-aħbarijiet huma kategorija għalihom u li l-fatt li ma ttieħdux il-bdiewa jindika ksur, speċjalment jekk fil-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti ntlaħaq ukoll bilanċ bil-kummenti tal-Gvern.

 

Il-Bord innota l-argumenti mressqa mill-PN u d-difiża tal-PBS. Irreferiet ukoll għall-filmati mxandra fejn il-bdiewa li kienu qed jipprotestaw dehru fl-isfond tal-Prim Ministru li kien qed jikkomunika qbil mal-preokkupazzjonijiet tagħhom fejn saħansitra tahom raġun. Innota wkoll li l-PBS stieden lill-bdiewa jgħaddu l-veduti tagħhom fi spazju ferm itwal fi programmi differenti ta’ ġrajjiet kurrenti u li filwaqt li l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti ma għandhomx jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ bilanċ ma’ dak li jkun imxandar matul bulettin tal-aħbarijiet, madankollu l-fatt li l-istess bdiewa dehru fix-xandira, kien ġie trasmess ukoll id-diżappunt tagħhom. Innutat ukoll li fit-tieni protesta, fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni kien preżenti, ittieħdu l-kummenti tiegħu ukoll. Finalment il-Bord osserva li l-PN kellu kull dritt iressaq ilment a bażi tal-L.S.350.06 iżda peress li ma kienx suġġett tal-allegat ksur, ma setax jistenna li jirċievi xi forma ta’ rimedju. Il-Bord mhux jilqa’ dan l-ilment. 

 

 

 

1 ta’ Marzu 2024

Smigħ 02/2024 Numru 9

Ref: 8/24