TVM - Tan-Nanna Ħelu Manna - 23 t'Awwissu 2009




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li l-programm Tan-Nanna Ħelu Manna li xxandar fit-23 t’Awwissu, 2009 fuq TVM, kien kiser il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir kif ukoll ta’ Paragrafu 3.3 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon u l-produttrici li kkontendiet illi r-referenzi għall-postijiet minn fejn kienu qed jixxandru rkejjen partikolari tal-programm ma kienitx intenzjonata li tagħmel reklam għall-post iżda dawn ir-referenzi saru biex jagħtu ħajr lis-sidien rispettivi. Il-produttriċi ikkontendiet ukoll illi ma kienitx konxja li b’dan l-atteġġjament kienet qed tmur kontra l-provvedimenti fit-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. Dwar il-parti tal-akkuża li kienet titratta l-premju fil-kompetizzjoni l-produttriċi ikkontendiet illi l-vjaġġ mal-Fantasy Tours fil-fatt kien jinkludi ukoll it-taxxi u għalhekk skont il-Ħtiġijiet tal-istess Awtorità ma kienx hemm l-obbligu li t-telespettaturi jiġu nformati b’dan.  

L-Awtorità iddeċidiet illi l-ewwel ksur tal-provvedimenti dwar reklamar b’ingann kien ġie ippruvat u għalhekk sabet lill-istazzjon ħati kif akkużat madanakollu peress illi din kienet l-ewwel okkazzjoni li dan il-programm kien instab ħati ta’ vjolazzjoni tal-liġi l-Awtorità ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon. 

Dwar it-tieni parti tal-akkuża l-Awtorità iddiriġiet illi jkun aħjar jekk meta premju jew rigal ikun jinkludi vjaġġ, l-informazzjoni dwar il-ħlas ta’ taxxi għandha tingħata dejjem anke meta din tkun inkluża fi premju jew rigal.