TVM - TVM News - 20 ta’ Marzu, 2014




Ilment mill-Partit Nazzjonalista

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 7 t’April, 2014 rigward TVM News tal-20 ta’ Marzu, 2014. Il-Partit Nazzjonalista ilmenta dwar żewġ servizzi:

(1) servizz dwar konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li dwaru l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija għall-istampa;

(2) ir-rappurtaġġ dwar id-diskussjoni li saret fuq il-programm Dissett dakinhar stess.

L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentaza ta’ PBS Ltd.  F’dan il-każ l-Awtorita’ semgħet ukoll lis-Sur Keith Demicoli ġurnalist tal-PBS Ltd. li deher bħala xhud tal-istess stazzjon.

Il-Partit Nazzjonalista qal li fl-ewwel parti ta’ dan l-ilment kien qed jilmenta għall-fatt li l-PBS Ltd. kien irrapporta b’mod estensiv tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi u injora kompletament stqarrija tal-istess partit dwar l-iskema mħabbra minn Trasport Malta ġranet qabel dwar iż-żieda fit-tariffi u liċenzji tas-sewqan.  Żied li l-imsemmija stqarrija kellha valur t’aħbar u s-suġġett kien wieħed ta’ kontroversja politika u kellu rabta ma dak li kien għadu kif sar u ċioe ż-żieda fil-liċenzji.  Il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-PBS irrapporta lill-Ministru inkluż b’kummenti on tape, dan ma sabx spazju għar-reazjoni tal-Partit Nazzjonalista biex b’hekk warrab dak li kellu xi jgħid il-Partit.

Il-Partit Nazzjonalista qal li rigward it-tieni parti tal-ilment dwar is-servizz fl-aħbarijiet dwar il-programm Dissett li tratta l-proġett tal-Power Station li taħdem bil-gass, il-Partit kien iħoss li kien hemm żbilanċ fil-mod kif sar ir-rappurtat.  Żied li l-PBS għażel li jitfa’ l-attenzjoni tat-telespettatur fuq dawk favur il-proġett u għalhekk ħoloq żbilanċ fil-mod kif ġiet rappurtata l-aħbar.

Minn naħa tiegħu l-istazzjon permezz tar-rappreżentanti tiegħu qal li din ma kienitx konferenza tal-Aħbarijiet fejn tħabbret l-iskema.  Żied li l-iskema kienet tħabbret qabel u l-Ministru Mizzi kien qed jagħti update dwar l-istess skema ta’ rifużjoni tal-VAT inkluż statistika dwar in-numru ta’ persuni li applikaw/irrikorrew għaliha, u l-iskop kien li biex min kellu d-dritt japplika jagħmel dan fil-perjodu stabbilit u hekk ma jitlifx id-dritt li għandu. Għalhekk ma kien hemm xejn polemikuz.

L-istazzjon qal li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista kienet tinkludi diversi elementi li kienu ripetuti dwar iż-żjieda f’xi wħud mil-liċenzji li dwarhom l-istazzjon kien xandar servizz fl-aħbarijiet dak inhar li kienu ħarġu.  L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ma kienitx tirreferi għal dak li ġie rappurtat mill-istazzjon dwar l-iskema ta’ rifużjoni ta’ ħlas tal-VAT fuq ir-reġsitrazzjoni tal-karozzi, li fuq kollox kien informattiv. Żied li f’dan il-każ l-informazzjoni tal-Ministru ma kienitx titlob risposta u l-istqarrija ma kienitx relatata, u  li l-liġi bl-ebda mod ma tgħid li kull darba li jkun tkellem Ministru tal-Gvern, l-istazzjon kellu jitlob ir-rejazzjoni tal-Opposizzjoni. 

Rigward ir-rapport fl-aħbarijiet dwar il-programm Dissett l-istazzjon ikkontenda li l-ġurnalist bilfors kellu jirrapporta dak li ntqal fil-programm, u jekk kien hemm esperti għandu l-obbligu jġib dak li qalu l-esperti.  Żied li fil-każ in eżami l-ġurnalist irrapporta fedelment dak li qalu l-esperti u ma kienx hemm intenzjoni li jinħoloq żbilanċ.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat il-filmat relattiv dwar iż-żewġ servizzi ddeċidiet li l-istazzjon kien mexa korrettement fir-rapportaġġ kemm tal-Konferenza Stampa tal-Ministru Mizzi kif ukoll f’dak li kien intqal fil-programm Dissett.  L-Awtorita` qablet  li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “rejazzjoni” għal dak li kien qal il-ministru fil-Konferenza tal-Aħbarijiet u għalhekk l-istazzjon ma kienx obbligat li jirraportaha aktar u aktar meta l-kritika tal-Opposizzjoni dwar iż-żieda fil-liċenzji tas-sewqan kienet diġà ġiet irraportata preċedentement.  L-Awtorità qablet ukoll li l-għażla tal-kummenti xjentifiki magħmula minn esperti waqt il-programm Dissett ma kienitx tikkostitwixxi żbilanċ.  In vista ta’ dan, l-Awtorità iddeċidiet li l-ilment magħmul mil-Partit Nazzjonalista fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ servizzi partikolari fil-bulletin tal-aħbarijiet ma kienx jissusisti.

Illum 30 t’April, 2014