TVM - Xarabank - 16 ta'Mejju 2014




Ilment minn Imperium Europa

L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat ilment imressaq minn Imperium Europa dwar it-trattament tiegħu waqt il-programm Xarabank li xxandar nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju 2014.

L-Awtorità semgħet dan l-ilment f’seduta li nżammet illum u li għaliha kienu preżenti s-Sur Adriano Spiteri u Ms Arlette Baldacchino f’isem u in rappreżentanza ta’ Imperium Europa u s-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS, li kien assistit mill-Avukat Mark Vassallo f’isem l-istazzjon.

Is-Sur Adriano Spiteri qal li d-dibattitu tal-panel bejn it-tliet rappreżentanti tal-partiti ż-żgħar ixxandar ferm wara nofsilejl u għalhekk ħafna mit-telespettaturi ma kellhomx l-opportunità li jsegwu din il-parti tal-programm. Barra minn hekk, is-Sur Spiteri qal ukoll li t-30 sekonda biografija u l-intervista tal-kandidat Antoine Galea wkoll ixxandru tard ħafna u li l-istazzjon messu ħa l-mizuri sabiex din l-intervista u t-tielet dibattitu jixxandru f’hin aktar addattat.

Min-naħa tiegħu l-istazzjon qal li l-format tal-programm kien deċiż qabel ma ngħatat id-direttiva mill-Awtorità tax-Xandir. Għall-bidu l-programm kien se jikkonsisti f’dibattitu wieħed bejn kelliema taż-żewġ partiti ewlenin bir-rappreżentant tal-Alternattiva Demokratika jipparteċipa fl-aħħar parti ta’ dan id-dibattitu.

L-istazzjon qal ukoll li wara talba u qbil bejn iż-żewġ partiti ewlenin li jkun hemm żewġ dibattiti flok wieħed, il-programm kellu jitwal. Wara li ħarġet id-direttiva tal-Awtorità u wara direzzjoni mill-PBS, ġie deċiż li t-tliet rappreżentanti tal-partiti ż-żgħar jingħataw għaxar minuti kull wieħed u allura l-programm reġa’ twal b’nofs siegħa oħra. Dan minbarra l-ispots imxandra mill-partiti b’rabta mal-iskema ta’ xandiriet politiċi organizzati mill-Awtorità tax-Xandir, liema spots ixxandru waqt l-istess programm Xarabank.

L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li għalkemm l-istazzjon kien mexa mad-direttiva tal-Awtorità u offra spażju lill-partiti/movimenti żgħar li qed jikkontestaw din l-elezzjoni, kien naqas meta xandar din l-intervista wara nofsilejl.

L-Awtorità hija tal-fehma li l-istazzjon seta’ ħa passi biex kemm jista’ jkun l-aħħar dibattitu ma jixxandarx daqshekk tard u dan billi ċerti rkejjen ta’ divertiment ,fosthom kant u zfin, setgħu ma kienux inklużi fil-programm, aktar u aktar meta wieħed iqis li n-natura ta’ din l-edizzjoni kienet waħda dedikata għall-kandidati u l-proposti tal-partiti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Awtorità ssib li l-ilment imressaq minn Imperium Europa huwa ġustifikat. Madankollu, l-Awtorità tħoss li ġaladarba l-Moviment Imperium Europa nghata l-ispazju fil-programm u tinnota ukoll l-istazzjon ta l-opportunità lir-rappreżentanti ta’ Imperium Europa jwasslu l-messaġġ tagħhom waqt programmi oħra fuq TVM, m’għandux jingħata rimedju.