Favourite Channel - Crossroads - 8, 15, 2 22 ta' Jannar 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Favourite Channel rigward l-edizzjonijiet tal-programm Crossroads tat-8, 15 u 22 ta’ Jannar, 2013, bi ksur ta’ Artiklu 3(4) tad-direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir għal perjodu 7 ta’ Jannar sad-9 ta’ Marzu, 2013 meta f’dawn l-imsemmija programmi l-istazzjon naqas milli jkollu rappreżentanza tal-Alternattiva Demokratika.

L-Awtorità innutat li l-istazzjon naqas li jibgħat rappreżentant għas-smigħ tal-akkuża u kif ukoll ma kienx informa lill-istess dwar dan.

Is-Segretarju nforma lill-membri li l-istazzjon kien ircieva n-notifika tad-data tas-smigħ u saħansitra bagħat acknowledgment ta’ dan permezz ta’ e-mail.

In vista ta’ dan l-Awtorità ddeċidiet li ai termini tal-Liġi din kellha tikkonsidra dan il-fatt bħala ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u għalhekk kienet qed timponi l-multa relattiva ta’ €4,660 li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din in-notifika.

8 t’April, 2013


Din id-deċiżjoni ġiet temporanjament sospiża wara li Favourite Channel ressaq s-sottomissjonijiet tiegħu quddiem l-Awtorità tax-Xandir.  Għaldaqstant, il-każ ser jerġa' jiġi kkunsidrat f'seduta li jmiss.

25 t'April 2013


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Favourite Channel rigward l-edizzjonijiet tal-programm Crossroads tat-8, 15 u 22 ta’ Jannar, 2013, meta ma kienx hemm rappreżentanza tal-Alternattiva Demokratika bi ksur ta’ Artiklu 3(4) tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir għal perjodu 7 ta’ Jannar sad-9 ta’ Marzu, 2013.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Virgilio Pirrone u lis-Sur Dorian Cassar f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-7 ta’ Mejju, 2013.

Il-Kap Eżekuttiv qal li qabel inħarġet l-akkuża huwa kien ġibed l-attenzjoni tal-istazzjon li min naħa tiegħu ma kienx irrimedja s-sitwazzjoni. Żied li fiċ-ċirkostanzi kien interpreta dan l-aġir bħala disprezz lejn il-funzjoni tal-Awtorità.

Is-Sur Virgilio Pirrone ikkontenda li l-istazzjon kien wieħed indipendenti u qabel kienet komunikata l-akkuża l-preżentatur u l-produttur kien diġa’ ippjana edizzjoni tal-programm bil-parteċipazzjoni esklussiva ta’ rappreżentant tal-Alternattiva Demokratika.

Is-Sur Dorian Cassar qal li huwa ma kienx fehem li skont id-Direttiva, l-Alternattiva Demokratika kellha tkun mistiedna f’kull programm, madanakollu hekk kif kien notifikat bl-akkuża huwa ħa l-miżuri neċessarji biex jaderixxi pjenament mal-imsemmija Direttiva.

Żied li jekk wieħed kellu jikkalkula l-ħin li ingħatat lil Alternattiva Demokratika kien jirriżulta li Favourite Channel kien alloka aktar ħin minn stazzjonijiet oħra.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li l-istazzjon irrimedja b’mod sodisfaċenti u immedjatament dan in-nuqqas qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali ksur tad-Direttiva tagħha.

15 ta’ Mejju, 2013