01/09 - 07Jan2009




Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti 2009-2010

Kif jidher mill-fuljett mehmuż, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jorganizza kors li jwassal għal Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti. L-għan ewlieni tal-kors huwa li l-istudenti jitħarrġu sena sħiħa (168 siegħa ta’ tagħlim dirett) fil-kitba korretta tal-Malti. Biex jintlaħaq dan il-għan, il-kors jgħallmuh 11-il ruħ, bosta minnhom bil-Ph.D. fil-Malti.

Il-ħlas tal-kors huwa €233, somma żgħira meta nikkunsidraw li l-kors twil sena sħiħa u jwassal għal ċertifikat universitarju.

L-Awtorità tax-Xandir, konxja mir-responsabbiltà tagħha li tgħolli l-livell ta’ l-ilsien Malti fil-mezzi tax-xandir, se tkun qed tisponsorja l-ħlas kollu tal-parteċipazzjoni f’dan il-kors ħalli b’hekk tiżgura parteċipazzjoni aktar wiesgħa tax-xandara.

Għalhekk inħeġġiġkom taqraw u tifhmu sew dan il-fuljett mehmuż u tisħqu mal-ħaddiema tagħkom fuq il-ħtieġa li jattendu dan il-kors li qed isir apposta għalihom.

F'każ li tixtiequ informazzjoni oħra tistgħu tikkuntattjaw lill-amministrazzjoni tal-kors "malti.qaritalprovi@um.edu.mt"

Huwa importanti li tinnutaw illi l-applikazzjonijiet se jintlaqgħu sal-14 ta’ Jannar 2009. Il-formoli jinġabru mill-Bini tal-Amministrazzjoni (Kamra 113) tal-Università, l-Imsida.

Tagħrif fil-qosor:

  • Lezzjonijiet nhar ta’ Tnejn u Ħamis
  • Ħin mill-5.30 pm sat-8.30 pm.
  • M’hemmx assignments imma jsiru eżamijiet f’Mejju u f’Jannar.

Dr Kevin Aquilina
Kap Eżekuttiv
7 ta’ Jannar 2009