Ċirkulari 1/10
Kodiċi dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir
F’April tas-sena 2009, l-Awtorità tax-Xandir kienet nidiet, permezz ta’ Ċirkulari 9/09, proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-użu tajjeb tal-ilsien Malti fil-mezzi tax-xandir u, għal dan il-għan, kienet qassmet lill-istazzjonijiet kollha abbozz ta’ Kodiċi dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir kif ukoll kopja ta’ rapport dwar dan is-suġġett li kien tħejja minn kumitat ta’ esperti li kien inħatar mill-Awtorità flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Wara li kien intemm iż-żmien allokat għar-reazzjoni tal-istazzjonijiet tax-xandir għall-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, l-Awtorità kienet sejħet laqgħa għax-xandara sabiex tkun tista’ tisma’ direttament mingħandhom il-ħsibijiet tagħhom dwar dak li kien qed jiġi propost.
Bi pjaċir nixtieq ninforma lill-istazzjonijiet li l-imsemmi Kodiċi issa ġie ppubblikat bħala Avviż Legali (A.L. 180 tal-2010) fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta tas-26 ta’ Marzu, 2010. Qed nehmeż ma’ din iċ-ċirkulari kopja ta’ dan l-Avviż Legali kif ukoll kopja tal-imsemmi rapport.
Nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom, b’mod partikolari, għal Artiklu 4 ta’ dan l-Avviż Legali li jelenka r-responsabbiltajiet ta’ kull stazzjon. Apparti r-responsabbiltà ġenerali ta’ kull stazzjon li jassigura li fi programmi li jixxandru bl-ilsien Malti, dan għandu jintuża b’mod korrett, kull stazzjon issa għandu l-obbligu li:
(a) "ikollu l-konsulent legali tiegħu li jkollu grad fl-ilsien Malti minn Università rikonoxxuta jew li jkun rikonoxxut mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti bħala persuna li jkollha tagħrif u esperjenza biżżejjed fl-użu tal-ilsien Malti. Dan il-konsulent għandu f’kull każ jiġi approvat mill-Awtorità tax-Xandir."
Paragrafu 6.3 tar-rapport tal-esperti msemmi aktar ’il fuq f’din iċ-Ċirkulari jipprovdi linji gwida ċari dwar il-ħatra u l-irwol ta’ dawn il-konsulenti u, fost ħwejjeġ oħra, jispjega li dan il-konsulent mhux bilfors ikun impjegat regolari tal-istazzjon
(b) “ixandar mill-anqas programm wieħed f’perijodu ta’ tliet xhur konsekuttivi biex iġib ’il quddiem l-ilsien Malti. L-istazzjon għandu jinforma lill-Awtorità tax-Xandir bid-data u l-ħin ta’ dik ix-xandira u għandu jagħti lill-Awtorità tax-Xandir kopja elettronika tax-xandira mhux aktar tard minn sebat ijiem qabel ma ssir ix-xandira. Dan il-programm m’għandux ikun iqsar minn nofs siegħa iżda jista’ wkoll jixxandar f’għadd ta’ segmenti f’diversi programmi, u dawk is-segmenti fit-totalità tagħhom m’għandhomx ikunu iqsar minn nofs siegħa.”
L-Awtorità tax-Xandir issa biħsiebha tibda tinforza l-provvedimenti ta’ dan il-Kodiċi kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet elenkati fl-imsemmija rapport tal-kumitat ta’ esperti, għalkemm l-Awtorità tifhem li dan għandha tagħmlu b’mod gradwali. Għalhekk,
(a) sa l-aħħar ta’ Mejju 2010, kull stazzjon tax-xandir għandu jinforma lill-Awtorità bl-isem, l-esperjenza u l-kwalifiki tal-konsulent li jkun intgħażel u dan b’konformità ma’ Artiklu 4(a) tal-Avviż Legali in kwistjoni. F’dan ir-rigward, fejn il-konsulent li jkun qed jiġi propost ma jkollux grad fl-ilsien Malti minn Università rikonoxxuta, l-Awtorità għandha tingħata wkoll konferma bil-miktub li l-konsulent għandu r-rikonoxximent meħtieġ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti;
(b) b’effett mill-iskeda tax-xandir li tibda f’Ottubru 2010, l-istazzjonijiet kollha huma mistennija li jwettqu l-obbligu tagħhom, skont Artiklu 4 (e) tal-Avviż Legali, li jxandru f’kull perijodu ta’ tliet xhur mill-anqas programm wieħed, jew għadd ta’ rkejjen f’diversi programmi, li jkun intiż sabiex iġib ‘il quddiem l-ilsien Malti.
Fl-aħħar nett, f’dan l-istadju, nixtieq niġbed għall-attenzjoni tagħkom, il-kontenut ta’ paragrafu 4 tar-rapport tal-esperti li jispjega b’mod skjett x’nifhmu b’Malti tajjeb.
Irrid ninfurmakom ukoll li fix-xhur li ġejjin l-Awtorità biħsiebha ssejjaħ laqgħa għax-xandara sabiex tkun tista’ taqsam magħhom il-konklużjonijiet ta’ studju li qed tagħmel dwar l-użu tal-ilsien Malti fil-mezzi tax-xandir u sabiex ukoll tiddiskuti max-xandara l-implimentazzjoni ta’ dan l-Avviż Legali.
Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
30 t’April 2010
Ref 73/01