01/11 - 10 Jan 2011




Ċirkulari 1/11


Lejn l-aħħar ta’ Diċembru 2010, l-Awtorità tax-Xandir semgħet ilment li għamel telespettatur dwar il-mod ta’ kif kien qed jixxandar promo biex telespettaturi jċemplu ħalli jidħlu biċ-ċans li jintgħażlu u jipparteċipaw fi programm.

Għalkemm prima facie ma kien hemm ebda ksur tal-Att Dwar ix-Xandir, l-Awtorità qablet li l-istazzjon kellu l-obbligu li jinforma lit-telespettatur li kien hemm ħlas dovut biex jidħol biċ-ċans li jipparteċipa fil-programm. F’każijiet fejn jintuża premium number biex wieħed jirreġistra l-parteċipazzjoni tiegħu jew tagħha, u dment li l-prezz tat-telefonata jew sms jidher b’mod ċar fuq l-iscreen, dan m’għandux jagħti lok għal problemi.

Madankollu, qed niġbdilkom l-attenzjoni biex f’każijiet fejn rati normali tat-telefon jew sms japplikaw iżda imbagħad il-parteċipanti jkunu mitluba jħallsu miżata biex jipparteċipaw, din l-informazzjoni għandha tixxandar fir-riklam jew promo. B’hekk, permezz ta’ avviż sempliċi, il-parteċipanti prospettivi jkunu jafu minn qabel li jridu jħallsu biex jiġu kkunsidrati ħalli jipparteċipaw fil-programm.

L-Awtorità qiegħda twissi illi jekk l-istazzjonijiet jonqsu milli jsegwu din id-direttiva, se jsiru t-tibdiliet meħtieġa fil-liġi ħalli min jinstab ħati ta’ tali ksur jeħel il-penali kontemplata fil-liġi. Nittama li nsib il-kooperazzjoni tagħkom ħalli bi ftit aktar attenzjoni l-informazzjoni mogħtija lit-telespettaturi tkun aktar ċara u kompluta.


Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
10 ta’ Jannar 2011
Ref 45/00