01/18 - 05Jan2018




Ċirkulari 01/18

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tax-Xandir

KORS FIL-KITBA BIL-MALTI (LIVELL 5 - MQF)
ĊERTIFIKAT FIL-QARI TAL-PROVI BIL-MALTI
CERTIFICATE IN PROOFREADING MALTESE


Nixtiequ niġbdulkom l-attenzjoni li x-xahar id-dieħel (Frar 2018) id-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu t-tlettax-il kors fil-kitba bil-Malti li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti. Il-kors se jerġa’ jkun offrut ukoll fiċ-Ċentru Universitarju tax-Xewkija, u jiftaħ għall-ħames darba f’Għawdex jekk jintlaħaq in-numru ta’ applikanti eliġibbli.

Dan huwa kors universitarju ta’ sena, part-time, u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa:

F’Malta – l-Università (l-Imsida), nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis, mill-5.30pm sat-8.30pm.

F’Għawdex – l-Università (ix-Xewkija), nhar ta’ Ġimgħa mill-5pm sad-9pm u nhar ta’ Sibt mit-8am sa 12pm.

Il-kors hu maħsub għal kull min juża l-Malti miktub fil-post tax-xogħol u għal min jixtieq li jtejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. Il-kors diġà temmewh b’suċċess għadd ta’ xandara u ġurnalisti u x-xewqa tagħna hi li x-xandara kkwalifikati fil-kitba bil-Malti jkomplu jiżdiedu.

Għaldaqstant, bil-għan li tkompli titjieb il-kwalità tax-xandir, l-Awtorità tax-Xandir din is-sena wkoll qed tissussidja l-ħlas ta’ dan il-kors fil-kitba tal-Malti għal 4 xandara/ġurnalisti jew impjegati li jieħdu ħsieb il-grafika bil-Malti fuq it-televiżjoni u r-radju. Kull min hu interessat jattendi għandu jikteb lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri, fl-indirizz joanna.spiteri@ba.org.mt u l-għażla ta’ min jieħu dan is-sussidju ssir mill-Awtorità tax-Xandir.

Nemmnu bis-sħiħ f’dan il-kors u nħeġġukom biex tal-anqas tibagħtu impjegat/a mill-kumpanija tagħkom għalih. B’hekk ikollkom punt ta’ referenza sod fuq il-kitba bil-Malti għall-grafika tal-produzzjonijiet tagħkom li jkun jista’ jikkontribwixxi wkoll f’xi eżerċizzju li minn żmien għal żmien l-Awtorità jista’ jkollha bl-għan li jinxtered aktar it-tagħrif u t-tagħlim li jkun inkiseb mill-parteċipanti tal-kors li jiffurmaw parti mix-xandir u/jew il-ġurnaliżmu Malti.

L-applikazzjonijiet tal-kors miftuħin u qed jintlaqgħu sal-Ġimgħa, 12 ta’ Jannar 2018. Il-formola tal-applikazzjoni timtela u tintbagħat mis-sit tal-Università.

Tagħrif dettaljat fuq il-kors issibuh mis-sit www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/cqp

Dr Joanna Spiteri 
Kap Eżekuttiv
5 ta' Jannar 2018
Ref 73/01/11/75