01/20 - 17 Mar 2020




Ċirkulari 01/20
17 ta’ Marzu 2020


Lill-Istazzjonijiet Kollha tax-Xandir


Xandir marbut mal-perjodu tal-pandemija tal-Coronavirus

Fiċ-ċirkostanzi straordinarji li għaddejjin minnhom bħalissa l-Awtorità tax-Xandir tħoss li, fid-dawl tad-direzzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, għandha toħroġ dan il-kommunikat b’rabta mal-produzzjoni ta’ programmi bil-għan li l-imxija tal-COVID-19 tkun imnaqqsa.

Għandha tkun il-prassi li f’dan il-perjodu ma jkunx hemm udjenza preżenti fl-istudio. L-Awtorità taċċenna wkoll li fi programmi fejn ikun hemm il-mistednin, il-produtturi għandhom jaraw li l-parteċipanti u l-preżentatur/i għandhom ikunu metru ‘l bogħod minn xulxin. L-Awtorità tifhem li dan jista’ joħloq inkonvenjent u diffikultà mil-lat ta’ produzzjoni però f’dan il-perjodu huwa importanti li x-xandir jagħti l-eżempju u jimxi mad-direttivi mogħtija mill-awtoritajiet.

Mill-banda l-oħra f’każijiet fejn hemm xi programmi li xxandru qabel ma ħarġet din id-Direttiva mid-Dipartiment tas-Saħħa, l-istazzjonijiet għandhom jinfurmaw matul il-programm li dan il-programm kien irrekordjat qabel u b’hekk ma tingħatax impressjoni żbaljata lill-pubbliku.

Waqt dan il-perjodu ta’ kuljum qed isiru konferenzi tal-aħbarijiet biex jaġġornaw lill-pubbliku b’dak kollu li qed jiġri b’rabta mal-COVID-19 . Għalhekk l-Awtorità tħeġġeġ biex kemm jista’ jkun dawn il-konferenzi tal-aħbarijiet jixxandru live bħala parti mit-trażmissjoni tal-istazzjon biex il-pubbliku inġenerali jinżamm infurmat bl-aħħar aġġornamenti.Barra minn hekk l-Awtorità tħeġġeġ ukoll sabiex kemm jista’ jkun l-avviżi uffiċjali ta’ prevenzjoni u helpline jixxandru spiss u sistematikament fuq il-mezzi tax-xandir u b’tali mod li jkunu aċċessibli minn kulħadd.

Fl-aħħarnett l-Awtorità tħeġġeġ sabiex fil-programmi ta’ kuljum matul il-ġurnata jkun hemm irkejjen iddedikati għat-tfal bħal logħob għat-tfal, irkejjen ta’ crafts u qari ta’ kotba għat-tfal. B’dan il-mod ix-xandir ikun qed joffri servizz ukoll lill-pubbliku li fiċ-ċirkostanzi ntalab sabiex kemm jista’ jkun iżomm it-tfal id-dar.

Fl-ispirtu tal-istqarrija preċedenti, l-Awtorità ttenni li f’mumenti bħal dawn il-media għandha obbligu li filwaqt li tinforma u xxandar il-prekawzjonijiet li hemm bżonn, ma tallarmax bla ħtieġa sabiex ma jinħoloqx biża’ u paniku żejjed.

Dr Joanna Spiteri
17 ta’ Marzu 2020