Ċirkulari 01/21
Lill-Istazzjonijiet kollha tar-Radju u t-TV
KORS FIL-KITBA BIL-MALTI
Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti (Livell 5 – MQF)
Certificate in Proofreading Maltese (MQF 5)
Nixtiequ niġbdulkom l-attenzjoni li x-xahar id-dieħel (Frar 2021) id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu s-sittax-il kors fil-kitba bil-Malti li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti.
Għal sena oħra, l-Awtorità tax-Xandir qed tisponsorja erba’ impjegati li jaħdmu fil-qasam tax-xandir (ġurnalisti/xandara/produtturi/impjegati tal-grafika) interessati li jtejbu l-kitba tagħhom bil-Malti.
Dan huwa kors universitarju ta’ sena, part-time, u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru t-Tnejn u l-Ħamis filgħaxija. Il-kors jibda fit-22 ta’ Frar 2021. L-ewwel nofs tal-kors (Frar-Ġun 2021) se jsir online. Il-lezzjonijiet tat-tieni nofs (Ott-Jan 2022) isiru fil-klassi jew online, skont ma tippermetti l-pandemija.
Il-kors hu maħsub għal kull min juża l-Malti miktub fil-post tax-xogħol u għal min jixtieq itejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. Temmewh diġà b’suċċess għadd ta’ xandara u ġurnalisti, u x-xewqa tagħna, bħala Awtorità, hi li nkomplu nżidu l-impjegati tal-qasam tax-xandir ikkwalifikati fil-kitba bil-Malti.
Kull min hu interessat japplika għandu jibgħat email indirzzata lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri, fl-indirizz info.ba@ba.org.mt sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Frar 2021. L-għażla ta’ min jieħu dan is-sussidju ssir mill-Awtorità tax-Xandir u skont min juri l-interess tiegħu l-ewwel.
L-applikazzjonijiet tal-kors miftuħin u qed jintlaqgħu sal-5 ta’ Frar 2021 fis-2pm. Il-formola tal-applikazzjoni timtela u tintbagħat elettronikament mis-sit tal-Università: https://www.um.edu.mt/courses/search?text=proof+reading
Għal tagħrif ieħor fuq il-kors u għajnuna fuq kif tapplika idħol hawn: https://www.um.edu.mt/arts/malti/korsijiet/cqp
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
19 ta’ Jannar 2021
Ref 73/01/13