01/22 - 12 ta' Jannar 2022




Ċirkulari 01/22

Lill-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni u lid-djar privati tal-produzzjoni tal-programmi 

 

OPPORTUNITÀ TA’ SUSSIDJU GĦAL KORS ONLINE FIL-KITBA TAL-MALTI
Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti (Livell 5 - MQF)
Certificate in Proofreading Maltese (MQF 5)


Nixtiequ niġbdulkom l-attenzjoni li fl-14 ta’ Frar 2022 id-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu s-sbatax-il kors universitarju fil-kitba tal-Malti li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti (MQF 5) u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti.

Dan huwa kors ta’ sena, part-time, u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru diretti online t-Tnejn mill-5:30pm sat-8:30pm u l-Ħamis mill-5:30pm sas-7:00pm. Barra dawn ikun hemm siegħa u nofs (online dirett ukoll) fi grupp żgħir, għall-attenzjoni individwali, f’ġurnata u ħin skont il-preferenza tal-istudenti.

Għal sena oħra, l-Awtorità tax-Xandir qed tisponsorja tliet impjegati li jaħdmu għat-televiżjoni, ir-radju u s-siti elettroniċi tal-aħbarijiet (ġurnalisti, xandara, impjegati li jieħdu ħsieb il-grafika, u produtturi privati) biex jattendu dan il-kors bla ħlas. Dawk interessati jridu jgħarrfu lill-Awtorità sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 21 ta’ Jannar 2022. Il-ħlas amministrattiv ta’ mal-applikazzjoni, li jsir lill-Università, jitħallas ukoll mill-Awtorità sakemm dan ma jsirx tard (late application). L-Awtorità twaqqaf is-sussidju tagħha jekk il-persuna magħżula ma tkomplix il-kors. F’dak il-każ tkun marbuta li tgħarraf minnufih lill-Awtorità bil-ħsieb tagħha li tieqaf.

Il-kors hu maħsub għal min juża l-Malti miktub fil-post tax-xogħol u għal kull min jixtieq itejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. Temmewh diġà b’suċċess għadd ta’ xandara u ġurnalisti, u x-xewqa tagħna, bħala Awtorità, hi li nkomplu nżidu l-impjegati tal-qasam tax-xandir ikkwalifikati fl-ortografija tal-Malti.

Kull min hu interessat japplika għandu jikteb minnufih lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri (joanna.spiteri@ba.org.mt) biex jirreġistra l-interess tiegħu. L-għażla ta’ min jieħu s-sussidju ssir mill-Awtorità tax-Xandir u skont min juri l-interess tiegħu l-ewwel mal-Awtorità. Wara li jsiru magħrufa l-parteċipanti li se jiġu ssussidjati, l-Awtorità tiffirma ftehim ma’ kull wieħed minnhom dwar is-sussidju li jkun se jingħatalhom.

Min jintgħażel biex jingħata s-sussidju jrid japplika wkoll għall-kors sal-31 ta’ Jannar 2022 fis-2pm mis-sit tal-Università:

https://esims.um.edu.mt/esims/sits.urd/run/siw_ipp_lgn.login?code1=UCPRMPTE&code2=0014&process=siw_ipp_app

Għal tagħrif ieħor fuq il-kors u għall-għajnuna fuq kif tapplika, idħol hawn: www.um.edu.mt/arts/malti/korsijiet/cqp   

 

Dr Joanna Spiteri 
Kap Eżekuttiv
12 ta’ Jannar 2022

Ref : 73/01