Stqarrija għall-Istampa
13 ta’ Frar 2025
Stq: 01/25
Kors għal dawk li jużaw il-Malti fix-Xandir
Bil-għan li jitjieb il-livell tal-ilsien Malti fix-xandir, l-Awtorità tax-Xandir se tkompli tħarreġ lix-xandara b’kors ieħor apposta organizzat bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Fil-monitoraġġ tagħha l-Awtorità tinnota diversi nuqqasijiet fl-użu tal-ilsien Malti u tiġbed l-attenzjoni lill-istazzjonijiet biex jirranġawhom.
Ix-xandara, il-ġurnalisti, il-qarrejja tal-aħbarijiet, l-impjegati li jieħdu ħsieb il-grafika, l-aġenziji tal-produzzjoni tal-programmi u l-kittieba tal-iskripts u r-reklami huma mħeġġa jattendu. Ix-xewqa tal-Awtorità hi li l-kapijiet tal-kmamar tal-aħbarijiet u tat-taqsimiet sportivi u l-kapijiet tad-djar tax-xandir jibagħtu tal-anqas ġurnalist/xandar/produttur wieħed/waħda u jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa fil-post tax-xogħol tagħhom biex dawn ikunu jistgħu jattendu bla diffikultà.
Dan il-kors ta’ taħriġ kontinwu professjonali se jkun mifrux fuq disa’ ġimgħat, darba fil-ġimgħa, bejn it-13 ta’ Marzu u t-8 ta’ Mejju 2025. Il-lezzjonijiet se jsiru minn letturi tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università. Matulhom, fost l-oħrajn, jiġu diskussi l-ortografija, is-sengħa tal-kitba u l-għażla tal-kelma, it-traduzzjoni, u l-pronunzja u d-dizzjoni.
Kull min jattendi 80% jew aktar tal-lezzjonijiet jingħata ċertifikat. Għal aktar informazzjoni idħol fis-sit tal-Awtorità tax-Xandir fuq www.ba.org.mt.