L-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew – 2009
Issa li qed toqrob id-data tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jiġifieri s-6 ta’ Ġunju, 2009, l-Awtorità tax-Xandir tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjonijiet kollha għal dak li jidher hawn taħt:
i) bħal ma tagħmel qabel kull elezzjoni ġenerali u kif għamlet ukoll qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2004, anki din id-darba u aktar qrib id-data attwali tal-elezzjonijiet, l-Awtorità tax-Xandir bi ħsiebha toħroġ direttiva, bis-saħħa ta’ artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir, li tkun tirregola b’mod aktar strett il-programmi u r-reklami mxandra f’perijodu ta’ madwar xahar qabel l-elezzjoni, inkluż il-ġurnata qabel l-elezzjonijiet u dakinhar tal-votazzjoni;
ii) l-Awtorità iżda trid tenfasizza li, f’kull żmien u irrispettivament minn xi data ta’ elezzjoni, l-obbligi li jimponu l-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Att dwar ix-Xandir dwar bilanċ u imparzjalità fix-xandir għandhom japplikaw mhux biss għal programmi ta’ aħbarijiet u ta’ ġrajjiet kurrenti, iżda wkoll għal ġeneri oħra ta’ programmi, pereżempju għall-‘magazine programmes’. Anki f’dawn il-programmi l-istazzjon għandu l-obbligu li jirrispetta l-ħtiġijiet tal-bilanċ u tal-imparzjalità, u ċjoe’ li l-għażla tas-suġġett tkun bilanċjata għall-inqas fuq medda ta’ programmi u li kemm il-kontenut kif ukoll il-parteċipazzjoni ikunu bilanċjati b’mod xieraq. Huwa importanti li l-producers indipendenti jifhmu sew dawn il-ħtiġijiet;
iii) f’dan l-istadju, l-Awtorità, kif għamlet drabi oħra, tħoss li għandha tirrakkomanda ukoll li, partikolarment fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti jew ta’ attwalità politika, il-partiti ż-żgħar jingħataw spazju xieraq sabiex isemmgħu leħenhom, dan fl-interess demokratiku ta’ pajjiżna u ta’ libertà ta’ espressjoni effettiva.
Dr Kevin Aquilina
Kap Eżekuttiv
28 ta’ Jannar 2009
Ref 103/03