02/12 - 17 Jan 2012




Cirkulari 2/12

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet:

Is-Smigħ ta’ Akkużi u d-Determinazzjoni ta’ Lmenti

L-Awtorità tax-Xandir tirreferi għal Artikoli 34, 38 u 41 tal-Att dwar ix-Xandir u l-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.06 li jitrattaw il-ħruġ ta’ akkużi u l-Investigazzjoni u d-Determinazzjoni ta’ lmenti, u qiegħda tippreċiża u tippubblika l-proċedura li sejra tkun qed tapplika sa minn din is-sena meta tkun qiegħda tisma’ akkużi u/jew ilmenti mressqa quddiemha taħt l-Att dwar ix-Xandir. Dawn il-proċeduri għandhom jitqiesu bħala kumplimentari għall-provvedimenti surriferiti u jirriaffermaw l-osservanza tal-prinċipji u l-garanziji ta’ smigħ xieraq li bihom hija marbuta l-istess Awtorità.

Ir-Relazzjoni Ġuridika tal-Awtorità:

Ir-relazzjoni ġuridika tal-Awtorità tax-Xandir hija mal-istazzjon, u għaldaqstant kwalunkwe komunikazzjoni f’dan il-kuntest għandha u sejra ssir esklussivament mal-istazzjon rispettiv u mhux mal-produtturi u/jew djar tal-produzzjoni.

Is-Seduta għas-Smigħ:

(i) Il-partijiet konċernati

Waqt is-seduta tas-smigħ ta’ akkuża, l-istazzjon konċernat jista’ jkun rappreżentat minn uffiċċjal tiegħu jew aġent tiegħu u/jew Avukat. L-istess japplika fir-rigward ta’ smigħ ta’ lmenti fejn il-partijiet konċernati jistgħu jidhru personalment jew ikunu rappreżentati minn uffiċċjali jew aġenti tagħhom skont il-każ u/jew l-Avukati tagħhom.

(ii) Is-smigħ ta’ xhieda

Fi kwalsiasi ċirkostanza x-xhieda ta’ terzi hija permessa. Madanakollu, f’kull każ huwa meħtieġ li ssir talba lill-Awtorità mhux aktar tard minn tmienja u erbgħin (48) siegħa qabel is-smigħ. Din it-talba għandha ssir permezz ta’ ittra jew e-mail indirizzata lis-Segretarju tal-Bord u għandha tinkludi dettalji tal-istess xhieda.

Min-naħa tagħha, l-Awtorità żżomm id-dritt li tirrifjuta tali talba jekk tħoss li ma jkunx hemm ħtieġa għal din ix-xhieda u/jew ikun evidenti li s-smigħ ta’ xhieda jkun ser iwassal għal dewmien bla bżonn fid-determinazzjoni tal-każ quddiemha li minnu nnifsu jkun detrimentali għall-proċess u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-lista ta’ xhieda kif sottomessa mill-parti konċernata tiġi kkomunikata lill-partijiet kollha skont il-każ.

(iii) Talbiet għal differiment

Id-dritt għal differiment għandu jiġi applikat biss f’każi eċċezzjonali. Madanakollu, l-Awtorità se tkun qed tħares dan id-dritt fid-dawl tal-prinċipju tas-smigħ xieraq. It-talba għal differiment għandha ssir b’mod formali permezz ta’ ittra jew e-mail indirizzata lis-Segretarju tal-Bord mhux aktar tard minn erba’ (4) sigħat qabel il-ħin allokat għas-smigħ tal-ilment jew akkuża. Dan id-dritt jista’ jkun eżerċitat sa massimu ta’ darba minn kull waħda mill-partijiet wara talba lill-Awtorità f’dan is-sens.

L-Awtorità żżomm id-dritt li tirrifjuta t-talba għal differiment kemm-il darba ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw tali differiment. Inoltre, l-Awtorità żżomm id-dritt ukoll li titlob lill-parti li tkun talbet id-differiment tippreżenta l-evidenza biex tissostanzja t-talba tagħha.

Jekk it-talba għal differiment tiġi rifjutata, l-Awtorità żżomm id-dritt li tkompli bil-proċess tas-smigħ u sta għall-parti li tkun talbet id-differiment li tagħmel dawk l-arranġamenti li tħoss li għandha tagħmel biex tkun rappreżentata waqt is-smigħ.

Dr Simon Manicolo
Segretarju tal-Bord
17 ta’ Jannar 2012
Ref 40/10, 25/94