02/21 - 28 Jan 2021




Ċirkulari 02/21

 

Ċirkulari lill-istazzjonijiet tar-Radju Nazzjonali

 

Sponsorship

 

L-Awtorità qed tinnota nuqqasijiet fil-preżentazzjoni ta’ sponsorship fuq ir-radju u permezz ta’ din iċ-ċirkulari l-Awtorità tixtieq tiċċara xi aspetti inkonnessjoni mal-isponsorship ta’ kontenut fuq l-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali.

 

L-isponsorship ta’ kontenut editorjali huwa wieħed mill-forom ta’ reklamar permessibbli fl-Att dwar ix-Xandir. Madanakollu, dan it-tip ta’ reklamar, distint minn reklami oħra (fosthom is-sensiliet ta’ reklami u l-messaġġi promozzjonali) jirrikjedi format partikolari. Dan huwa importanti sabiex tibqa’ mħarsa d-distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ kontenut u b’hekk jitħarsu l-obbligi ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

 

Ir-referenza għall-isponsorship ta’ programm tista’ ssir fil-bidu, matul jew fi tmiem il-programm. Dan bl-eċċezzjoni ta’ programmi ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti li fl-ebda każ ma jistgħu jkunu sponsorjati. Infakkarkom ukoll li hemm provvedimenti li japplikaw għall-sponsorships ta’ prodotti u servizzi speċifiċi. Dawn jinkludu projbizzjonijiet ġenerali (bħall-prodotti tat-tabakk, prodotti mediċinali bi preskrizzjoni u prodotti u servizzi illegali), jew limitazzjonijiet bil-ħin, bħall-alkoħol u l-logħob tal-ażżard (irregolati mil-L.S.350.24 u L.S.350.25 rispettivament).

 

Minn aspett ta’ format, sponsorship ta’ kontenut editorjali ma għandux jinkoraġġixxi x-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew servizzi, b’mod partikolari billi ssir referenza promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew servizzi. Fost oħrajn dan ifisser li sponsorship ma għandux jinkludi referenza għal sale, discounts, deliveries, offerti, ħinijiet ta’ ftuħ u prezzijiet ta’ prodotti jew servizzi.

 

Mill-banda l-oħra arranġament ta’ sponsorship jista’ jinkludi, l-isem tal-kumpanija jew il-prodotti jew servizzi mibjugħa, taglines (li ma jinkludux l-inkoraġġiment u referenzi promozzjonali hawn fuq imsemmija), numri tat-telefown, numri tal-mobile, indirizzi elettroniċi u/jew siti elettroniċi. Jista’ jiġi nkluż ukoll isem il-lokalità/jiet minn fejn jopera n-negozju iżda mhux l-indirizz postali komplut.

 

F’każ fejn ikun hemm sponsorships abbinati max-xandara, l-istess parametri japplikaw.

 

Dr Joanna Spiteri

Kap Eżekuttiv

28 ta’ Jannar, 2021

Ref.17/62