[02/21] Iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti




Stqarrija għall-Istampa

15 ta’ Frar 2021
PR 02/21

Iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti


Wieħed mill-għanijiet tal-Awtorità tax-Xandir huwa li tkompli tgħolli l-livell tal-kwalità fix-xandir. Minn rapport li sar mill-istess Awtorità, l-użu tajjeb tal-ilsien Malti kien wieħed mill-fatturi li jtejbu l-kwalità fix-xandir. Għaldaqstant għal sena oħra l-Awtorità tax-Xandir għażlet li tisponsorja numru ikbar ta’ xandara, ġurnalisti u produtturi ta’ servizzi tal-midja biex jattendu għall-kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti. 

Din is-sena, l-Awtorità qed tissussidja l-ħlas tal-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti għal sitt persuni li jaħdmu fil-qasam jew għandhom xogħol relatat max-xandir. Is-sitt parteċipanti li applikaw għal dan il-kors u li kollha ngħataw dan is-sussidju huma: Sephora Francalanza (Newsbook), Josef Fitzpatrick (Media.Link), Roberto Francalanza (ONE), Giselle Calleja (PBS), Laura Cunningham (Għaqda Ġurnalisti Sport) u Anita Piccinino Vassallo (WE Media). Il-kors hu organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill tal-Malti, u jwassal għaċ-Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti ta’ Livell 5 (MQF) u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti.

Dan il-kors universitarju hu twil sena u se jgħin biex l-istazzjonijiet lokali jkollhom aktar xandara mħarrġa fil-kitba tal-Malti u li jistgħu jservu wkoll bħala punt ta’ referenza għall-kollegi tagħhom. Waqt it-tqassim tal-ftehim li sar bejn il-parteċipanti u l-Awtorità tax-Xandir, iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, Frank V. Farrugia, saħaq li wieħed mill-obbligi tal-Awtorità tax-Xandir huwa li tgħin biex ittejjeb il-kwalità fix-xandir u għalhekk l-Awtorità tħoss il-bżonn li tissussidja numru ta’ xandara kull sena u tħarriġhom fl-użu tajjeb tal-lingwa Maltija. Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri, qalet li apparti t-taħriġ biex iġibu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti, dawn il-persuni se jkunu qed iħejju rapport dwar l-użu tal-Malti, liema rapport ser iservi biex ikunu identifikati nuqqasijiet kif ukoll suġġerimenti ta’ kif għandu jintuża Malti tajjeb fix-xandir lokali.

Minbarra dan l-isponsorship, minn żmien għal żmien l-Awtorità torganizza seminars għax-xandara dwar ir-regoli u d-direttivi li joħroġ il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti f’dak li hu t-tħaddim tal-lingwa.

15 ta’ Frar 2021

Waqt il-preżentazzjoni tal-ftehim li sar bejn l-Awtorità tax-Xandir [mix-xellug] iċ- Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, is-Sur Frank V. Farrugia u Dr Joanna Spiteri, Kap Eżekuttiv, u l-parteċipanti
[miċ-ċentru għal-lemin] Laura Cunningham, Sephora Francalanza, Anita Piccinino Vassallo, u Josef Fitzpatrick

Nota: Tnejn mill-parteċipanti Giselle Calleja u Roberto Francalanza ma setgħux ikunu preżenti fl-uffiċċju waqt iċ-ċerimonja.