Stqarrija għall-istampa
9 ta’ Marzu, 2023
PR 02/23
Qtugħ fis-Servizz tal-Free To Air Network
Tibdil fis-Siti ta’ Trasmissjoni tal-Free To Air Network
Ai termini ta’ Artiklu 40 tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità tax-Xandir ħatret u lliċenzjat lill-PBS Ltd bħala l-operatur tan-network li permezz tiegħu s-servizzi televiżivi meqjusa ta’ interess ġenerali, jaslu free to air fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Fid-dawl tal-qtugħ ta’ dan is-servizz fl-aħħar jiem, l-Awtorità tax-Xandir tixtieq tinforma lill-pubbliku inġenerali li abbażi ta’ kommunikazzjoni uffiċjali li saret bejnha u bejn il-PBS Ltd, jirriżulta li tali qtugħ huwa riżultat ta’ tibdiliet fin-network liema tibdiliet wasslu biex is-sit tan-Naxxar jintefa; konsegwentament, is-sit fl-Imtarfa issa żied it-transmitting power tiegħu sabiex ikun jista’ jaqdi l-bżonnijiet tan-nies li kienu qed jirċievu s-sinjal mis-sit tan-Naxxar.
Għaldaqstant, il-PBS qed jissuġġerixxi lil dawk li qed jesperjenzaw nuqqas ta’ servizz sabiex jindirizzaw l-antenna (aerial) tagħhom fid-direzzjoni tal-Imtarfa (Mtarfa GO Tower – Malta Central) jew inkella fid-direzzjoni ta’ wieħed mis-siti l-oħra li minnhom isiru t-trasmissjonijiet tal-free to air li huma;
- Ta’ Kenuna – Għawdex
- Mellieħa GO Tower – Malta (North)
- Tas-Silġ GO Tower – Malta (South)
F’każ li d-diffikultajiet jippersistu u għal aktar informazzjoni, nitolbukom tagħmlu kuntatt mal-PBS Ltd li huwa l-operatur tan-network.