02/18 - 7May2018




Ċirkulari 2/18

Lill-Istazzjonijiet kollha tax-Xandir

L-Applikazzjoni tal-Provvedimenti
fil-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir
u Proċedura dwar Penali


Fil-passat kien hemm prassi fejn fl-applikazzjoni tal-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir li tirrigwarda l-penali marbutin ma’ ksur tal-istess Att, l-Awtorità kienet tikkonsidra kull produzzjoni distinta minn programmi oħrajn fuq l-istess stazzjon. Dan kien ifisser illi meta l-Awtorità, f’każ li tkun ippruvata akkuża, kienet tgħaddi biex tiddeċiedi fuq il-penali, din kienet tħares lejn akkużi u ksur fi programmi oħra mill-istess serje.

Ta’ min ifakkar li fir-rigward tal-Liġi r-responsabbiltà finali marbuta ma’ dak li jixxandar taqa’ direttament u esklussivament taħt l-obbligi tal-istazzjon liċenzjat. Mil-lum ‘il quddiem kull ksur tal-liġi fuq stazzjon ser jitqies fl-assjem tiegħu irrispettivament mill-programmi u/jew kontenut ieħor.

In oltre l-Awtorità tirreferi għall-provvediment tal-liġi fil-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir u tħoss li “F’każ ta’ xi tieni ksur jew ta’ xi ksur ieħor sussegwenti tad-disposizzjonijiet ta’ din l-Iskeda, il-penali msemmija fit-Tieni u fit-Tielet Kolonni ta’ din l-Iskeda għandhom jiżdiedu b’għoxrin fil-mija għat-tieni ksur u b’għoxrin fil-mija oħra għal kull ksur ieħor sussegwenti.

L-Awtorità tidderieġi ukoll illi fi kwalunkwe każ il-ħlas ta’ penali imposta mill-Awtorità għandu jsir fi żmien sittin (60) jum mid-data tan-notifika. In mankanza ta’ dan, l-Awtorità ser tkun qed tipproċedi b’passi ulterjuri skond il-każ.

L-Awtorità tfakkar li biex tiġi applikata penali ridotta hekk kif indikat f’paragrafu 2 tal-Ħames Skeda mal-Att dwar ix-Xandir, stazzjon irid jinforma lill-Awtorità li ma jkunx ser jikkontesta l-akkuża fi żmien ħmistax-il jum minn meta toħroġ l-istess akkuża.

Dawn il-miżuri ser ikunu effettivi mill-iskeda t’Ottubru tas-sena kurrenti elfejn u tmintax (2018) ‘il quddiem.

Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
7 ta’ Mejju, 2018
Ref. 51/61