03/09 - 11Feb2009




Interpretazzjoni tal-Paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir dwar Nuqqas ta’ Separazzjoni u Reklamar b’Ħabi

Fil-25 ta’ Settembru 2008, l-Awtorità tax-Xandir kienet qassmet lill-istazzjonijiet tax-xandir iċ-ċirkulari numru 41/08 (kopja annessa) bl-iskop li tipprovdi interpretazzjoni aktar komprensiva tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir li jittrattaw dwar in-nuqqas ta’ separazzjoni effettiva u r-reklamar b’ħabi. Il-paragrafi (i) u (ii) ta’ din l-interpretazzjoni kellhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009 waqt li l-partijiet l-oħra tal-interpretazzjoni kienu diġà daħlu fis-seħħ permezz ta’ ċirkularijiet jew komunikazzjonijiet oħra li kienu ħarġu qabel.

Matul dawn l-aħħar xhur, l-Awtorità sarulha rappreżentazzjonijiet minn diversi stazzjonijiet fis-sens li, peress li l-ċirkulari nru 41/08 kienet ħarġet fil-25 ta’ Settembru 2008, meta l-istazzjonijiet jew il-produtturi indipendenti kienu diġà daħlu f’rabtiet kuntrattwali in konnessjoni ma’ programmi li kellhom ikunu parti mill-iskeda tax-xitwa, dawn kienu qed isibuha diffiċli sabiex jikkonformaw mal-elementi l-ġodda tal-interpretazzjoni, u ċjoé mal-provvedimenti ta’ paragrafi (i) u (ii) taċ-ċirkulari.

Għalhekk, l-Awtorità issa qablet li l-provvedimenti fl-imsemmija paragrafi (i) u (ii) taċ-ċirkulari għandhom jiġu fis-seħħ mill-bidu tal-iskeda li jmiss, u ċjoé mill-1 ta’ Lulju 2009. Fl-istess ħin, iżda, l-Awtorità qed tagħmilha ċara li bi ħsiebha tkompli tenforza b’mod rigoruż il-partijiet l-oħra tal-interpretazzjoni. Għalhekk, l-Awtorità trid tiċċara u tenfasizza dak li jidher hawn taħt:

(1)  għalkemm l-interpretazzjoni mogħtija f’ċirkulari 41/08 hija ntiża sabiex tipprovdi linji gwida għall-istazzjonijiet u l-produtturi indipendenti, dejjem jibqa’ l-obbligu tal-istazzjon li jagħmel l-almu tiegħu kollu sabiex b’mod ġenwin jiġu rispettati l-provvedimenti dwar separazzjoni effettiva u dwar reklamar b’ħabi li jeżistu fil-Liġi dwar ix-Xandir, liema provvedimenti jeżistu wkoll fil-Liġi Ewropea f’dan il-qasam. Għalhekk, l-Awtorità tirriserva d-dritt li tieħu azzjoni skond il-liġi meta jidhrilha li xi programm ikun qed idur ma’ din l-interpretazzjoni sabiex jevadi l-obbligi tiegħu;

(2)  fl-ispirtu ta’ dak li ntqal fil-paragrafu preċedenti, il-paragrafu (iv) taċ-ċirkulari 41/08 qed jiġi rivedut b’mod immedjat kif jidher hawn taħt:

(iv) il-prodott jew servizz li jiġi reklamat f’batch ta’ reklami li tittella jew immedjatament qabel ma tibda jew wara li tkun spiċċat rokna informattiva ta’ programm m’għandux ikun l-istess prodott jew servizz imsemmi fir-rokna informattiva. Għal dan il-għan, batch ta’ reklami li tiġi interrotta b’xi sempliċi jingle jew b’xi metodu simili titqies li tkun tikkostitwixxi l-istess batch ta’ reklami u sabiex batch ta’ reklami tkun tista’ titqies bħala waħda distinta iridu jkunu għaddew mill-anqas 20 minuta minn meta tkun intemmet l-aħħar batch.

L-Awtorità trid tiċċara wkoll li l-ħtiġijiet li joħorġu minn paragrafu (ii) taċ-ċirkulari 41/08 ovvjament għandhom japplikaw ukoll għal min ikun ippreżenta jew ipparteċipa fil-parti informattiva tal-programm. Iżda, kif diġà ntqal aktar ‘il fuq, dan il-paragrafu għandu jiġi fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009.

Huwa ferm importanti li l-istazzjonijiet tax-xandir iġibu din iċ-ċirkulari għall-attenzjoni tal-produtturi indipendenti li jaħdmu magħhom.

Dr Kevin Aquilina
Kap Esekuttiv
11 ta’ Frar 2009
Ref 17/62