03/15 - 03 Mar 2015




Ċirkulari 03/15

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet Tat-Televizjoni ‘Free to Air’

Bis-saħħa ta’ Paragrafu 1 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, l-Awtorità tax-Xandir qed tawtorizza skema ta’ reklamar fuq l-istazzjonijiet televiżivi b’rabta mar-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa. Din l-iskema hija suġġetta għal dawn il-kundizzjonijiet:

  • Kull moviment għandu għad-dispożizzjoni tiegħu total ta’ 30 minuta ta’ reklamar li jista’ jintuża fuq stazzjon jew stazzjonijiet skont l-għażla tal-moviment. Għal kjarifika, it-30 minuta huma t-total ta’ reklami permissibbli fuq il-firxa tal-istazzjonijiet u mhux fuq kull stazzjon individwali.
  • B’movimenti, l-Awtorità tifhem il-koalizzjoni ta’ kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa u l-Moviment IVA li jiġbor fih iż-żewġ gruppi tal-kaċċaturi, l-FKNK u l-KSU.
  • Kull reklam li se jixxandar irid l-ewwel jiġi approvat mill-Awtorità tax-Xandir u tali konferma trid tiġi mitluba mill-istazzjon qabel ma’ spot jixxandar bħala parti minn din l-iskema.
  • Kull reklam irid ikun trasmess akkumpanjat minn jingle tal-Awtorità tax-Xandir li tinforma lit-telespettaturi li dan huwa reklam approvat minn skema tal-Awtorità tax-Xandir. Għal finijiet ta’ prattiċità, l-istazzjonijiet se jkunu qed jirċievu r-reklami kompluti b’din il-jingle. It-tul tal-jingle ma tgħoddx mat-30 minuta allokati lill-movimenti.
  • Għal finijiet ta’ din l-iskema addizzjonali, dawn ir-reklami mhux se jingħaddu mat-tnax-il minuta permissibbli mill-liġi.
  • Reklam jista’ jixxandar fi kwalunkwe ħin waqt waqfa għar-reklami. Mhux permess li jixxandru reklami split screen bħala parti minn din l-iskema.
  • Huwa l-obbligu tal-movimenti li jibbukkjaw l-iskeda ta’ reklamar mal-istazzjonijiet individwali. F’każ li ż-żewġ movimenti jibbukjaw l-istess slot, hija l-prerogattiva tal-istazzjon li jilħaq ftehim mal-movimenti kif se jixxandru dawk ir-reklami.
  • Meta jkun hemm żewġ reklami ta’ movimenti differenti wara xulxin, l-istazzjon għandu jxandar jingle tiegħu biex jissepara ż-żewġ reklami.
  • Reklam li jixxandar waqt programm li jkollu repetizzjoni f’ħin jew ħinijiet differenti tal-ġurnata MA JISTAX jerġa’ jixxandar fir-ripetizzjoni jekk ix-xandir tiegħu waqt ir-ripetizzjoni ma jkunx parti mit-30 minuta approvati. Huwa l-obbligu tal-istazzjonijiet li jiżguraw li dan ma jseħħx.
  • Ma jistgħux jixxandru reklami nhar il-jumejn tas-silenzju (il-Ġimgħa 10 u s-Sibt 11 t’April).
  • L-Awtorità tirriserva d-dritt li titlob lill-istazzjon konferma tal-bookings li jkunu saru mill-Movimenti u li twaqqaf ix-xandir ta’ spots immedjament jekk il-kwota ta’ 30 minuta komplessiva tkun inqabżet. L-Awtorità ma tistax tinżamm responsabbli għal kwalunkwe telf finanzjarju li stazzjon jista’ jkollu f’każ li titwaqqaf l-iskema minħabba ‘overbooking’ ta’ reklami minn naħa ta’ moviment jew ieħor.


Kull stazzjon huwa marbut li jimxi ma’ kull direzzjoni mogħtija mill-Awtorità tax-Xandir b’rabta ma’ din l-iskema.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv 
2 ta’ Marzu 2015
Ref 1/15