03/19 - 11 Feb 2019




Ċirkulari 3/19

Ċirkulari għall-istazzjonijiet tar-Radju tal-Komunità

Intervisti ma’ Kandidati li se jikkontestaw l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ Mejju li ġej, l-Awtorità tax-Xandir qed tagħti l-opportunità lill-istazzjonijiet tar-radju tal-komunità biex ikunu jistgħu jtellgħu programmi ta’ intervisti ma’ kandidati li se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fil-lokalità. Dawn il-programmi mhumiex obbligatorji. Huwa l-istazzjon li jiddeċiedi jtellax programmi bħal dawn, madankollu dawk l-istazzjonijiet li jagħżlu li jtellgħu dawn il-programmi qed ikunu obbligati li jimxu ma’ dawn il-kundizzjonijiet: 

  1. Ir-radju tal-komunità jista’ jintervista BISS dawk il-kandidati li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali f’dik l-lokalità fejn huwa liċenzjat.
  2. L-intervisti jridu jsiru mal-kandidati KOLLHA li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, kemm dawk li se jikkontestaw f’isem il-partiti kif ukoll dawk indipendenti.
  3. Dawn il-programmi jistgħu jibdew jixxandru biss wara li jkunu għalqu n-nomini mill-Kummissjoni Elettorali biex b’hekk ikunu magħrufa l-kandidati kollha. Dawn il-programmi jistgħu jibqgħu jixxandru sat-23 ta’ Mejju 2019.
  4. Dawn il-programmi jistgħu jsiru taħt forma ta’ intervista one to one bil-għan li n-nies tal-lokal isiru jafu min huma l-kandidati f’dak il-lokal, x’qed jipproponu li jkun hemm fil-lokalità u jitkellmu dwar l-operat tal-lokal.
  5. Kull programm jista’ jkun ripetut darba waħda biss.
  6. L-intervisti mal-kandidati għandhom jixxandru fl-ordni alfabetiku tal-ismijiet tal-kandidati.
  7. Il-format tal-programm irid jinżamm l-istess għal kull kandidat, inkluż it-tul tal-intervisti.
  8. Dawn il-programmi ma jistgħux jinkludu telefonati mis-semmiegħa.
  9. L-istazzjon irid jipprovdi lill-Awtorità l-ismijiet tal-kandidat/i li jkunu se jiġu intervistati minn ġimgħa għal ġimgħa.
  10. Fl-aħħar tas-sensiela l-istazzjon għandu jinforma lis-semmiegħa b’dawk il-kandidati li ma ġewx intervistati għax ma jkunux laqgħu l-istedina tal-istazzjon.
  11. Ma’ din iċ-Ċirkulari jibqgħu japplikaw il-provvedimenti kollha l-oħra tal-liġi tax-xandir.

Din iċ-Ċirkulari hija bla preġudizzju għal kull direttiva oħra li tista’ toħroġ l-Awtorità minn żmien għal żmien.

Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
11 ta’ Frar 2019
Ref 3/19