Stqarrija għall-Istampa
17 ta’ Frar 2020
PR 03/20
Iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti
L-Awtorità tax-Xandir għandha rwol importanti fit-taħriġ li tagħti lix-xandara bil-għan li ttejjeb l-użu tal-Malti fix-xandir. Minn żmien għal żmien l-Awtorità torganizza seminars għax-xandara dwar ir-regoli u d-direttivi li joħroġ il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti f’dak li hu t-tħaddim tal-lingwa u tisponsorja lix-xandara għal korsijiet speċjalizzati fil-lingwa Maltija.
Bħal kull sena, l-Awtorità se tissussidja l-ħlas tal-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti għal tliet xandara. Għal din is-sena tliet parteċipanti applikaw għal dan il-kors u ingħataw dan is-sussidju. Dawn huma Deborah Cilia (ONE), Charmaine Vella (ONE), u Frederick Zammit (103). Il-kors hu organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill tal-Malti, u jwassal għaċ-Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti ta’ Livell 5 (MQF) u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti.
Dan il-kors universitarju hu twil sena u se jgħin biex l-istazzjonijiet lokali jkollhom aktar xandara mħarrġa fil-kitba tal-Malti u li jistgħu jservu wkoll bħala punt ta’ referenza għall-kollegi tax-xogħol tagħhom. Waqt it-tqassim tal-ftehim li sar bejn ix-xandara u l-Awtorità tax-Xandir, ic-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, Frank V. Farrugia saħaq li wieħed mill-obbligi tal-Awtorità tax-Xandir huwa li tgħin biex ittejjeb il-kwalità fix-xandir u għalhekk l-Awtorità tħoss il-bżonn li tissusidja numru ta’ xandara kull sena u tħarriġhom fl-użu tal-lingwa Maltija. Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri, qalet li apparti li t-tliet xandara jkunu se jitħarrġu biex iġibu d-diploma fil-Qari tal-Provi, imma wkoll dawn it-tliet xandara se jkunu qed iħejju rapport dwar l-użu tal-Malti, liema rapport jitfa’ dawl ta’ kif għandu jintuża Malti tajjeb fix-xandir lokali.
Mario Axiak
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
17 ta’ Frar 2020
Waqt il-preżentazzjoni tal-ftehim li sar bejn l-Awtorità tax-Xandir u l-parteċipanti
[miċ-ċentru għall-lemin] - Charmaine Vella (ONE); Frederick Zammit (103); Deborah Cilia (ONE); u
[mix-xellug] Dr Joanna Spiteri, Kap Eżekuttiv, u Frank V Farrugia, Chairman; Awtorità tax-Xandir